Ħamsin student u seba’ letturi fl-Università ta’ Malta se jkunu ċċertifikati għall-kompetenza tagħhom fl-użu ta’ programm diġitali mfittex sew fil-qasam tal-gaming madwar id-dinja.
Dan bis-saħħa ta’ ftehim bejn l-Università ta’ Malta u Gaming Malta.
Il-Ftehim se jassigura ċertifikat għall-użu tal-programm ‘Unity Game Engine.’
Dwar dan il-programm ONE News tkellem mal-Professur Alexei Dingli mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Universitá. Huwa spjega l-benefiċċji li ser igawdu minnhom l-istudenti: “Grazzi għal dan il-pass 50 student minn tagħna kif ukoll 7 letturi tal-Universitá ħa jkunu trenjati fuq dan is-software li jintuża biex jikreja l-logħob. Dan is-software jintuża f’aktar minn nofs il-logħob li jiġu kreati mad-dinja kollha. Mela b’hekk meta l-istudenti tagħna jiggradwaw mhux biss ħa jkollhom il-baċellerat tagħhom imma jkunu wkoll iċċertifikati biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol fil-qasam tal-logħob diġitali u b’hekk ikunu aktar attraenti għall-employers ukoll.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri qal li permezz ta’ din iċ-ċertifikazzjoni issa l-iżviluppaturi tal-logħob qed ikunu offruti l-għodod meħtieġa li jiggarantixxu suċċess fi ħdan l-industrija. Huwa sostna li “l-fatt li l-Universitá qed tkun ħafna iktar miftuħa, il-fatt li l-Universitá qed tilqa’ inizjattivi ġodda anke li tista’ tbiddel fi ħdanha stess hija xi ħaġa pożittiva ħafna għaliex fl-aħħar mill-aħħar dak huwa l-importanti.”
Ivan Filletti li huwa responsabbli mill-operat ta’ negozji fi ħdan Gaming Malta qal li din il-kollaborazzjoni ssaħħaħ il-viżjoni tal-fondazzjoni u l-Gvern sabiex dan is-settur jikber b’mod sostenibbli.
Ir-Rettur tal-Universitá, il-Professur Alfred Vella fisser il-ftehim bħala sinjal ċar li l-Universitá qed tkompli timpenja ruħha favur l-istudenti tagħha.