F’ċerimonja preseduta mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, 50 student minn seba’ skejjel sekondarji tal-Istat kienu ppreżentati biċ-ċertifikat tal-Isport Career Development Programme fil-livell MQF 2 jew 3 wara ħames snin ta’ ħidma kontinwa.
L-Isport Career Development Programme (SCDP) tnieda ħames snin ilu bl-iskop li jagħti aktar importanza lill-isport fl-iskejjel filwaqt li jiftaħ aktar opportunitajiet għal dawn l-istudenti li jixtiequ jimirħu f’dan il-qasam.
“Qed nagħtu importanza kbira lill-isport fl-iskejjel tagħna, għaliex irridu nagħtu l-opportunitajiet kollha possibbli lil kull student u studenta biex jilħqu l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħhom, anki fl-isport,” qal il-Ministru Grima. Huwa feraħ lill-istudenti kollha li ngħataw iċ-ċertifikat u awguralhom iktar suċċessi kemm f’karriera sportiva u wkoll f’dik akkademika.
Wara li ntlaħaq ftehim mal-istituzzjonijiet rispettivi, studenti li jottjenu Ċertifikat Akkreditat MQF f’livell 3 jistgħu jippreżentawh biex ikomplu l-istudji tagħhom f’livell post sekondarju jiġifieri fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), fl-Istitut tal-Istudji fit-Turiżmu (ITS), Giovanni Curmi Higher Secondary School, GEM 16+, il-Kulleġġ De La Salle u Sir M. A. Refalo Sixth Form f’Għawdex. Bħalissa, hemm iktar diskussjonijiet għaddejjin biex istituzzjonijiet oħra post-sekondarji jsegwu l-istess rotta.
Attwalment is-suġġett huwa offrut f’għoxrin skola medja u sekondarja tal-Istat u jinkludi l-ispeċjalizzazzjoni fl-atletika, il-basketball, il-football l-għawm, il-ġinnastika, il-hockey, il-judo, l-isprar permezz ta’ simulatur, u ż-żfin. Apparti dan l-istudenti jingħataw taħriġ f’diversi oqsma sportivi oħra fosthom First Aid, Sports Media, Sports Photography, Anti-Doping Education u n-Nutrizzjoni fost oħrajn. Dan kollu jsir b’mod prattiku.
Madwar elf student f’Malta u Għawdex isegwu dan il-programm.