Ftit aktar minn ħamsin sena wara li, flimkien ma’ oħrajn, waqqaf l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, li għadha mwaqqfa sal-lum, l-eks Ministru Laburista Reno Calleja tkellem ma’ ONE News dwar il-bidu u l-ħsieb wara l-għaqda u minn fejn ġie l-isem.
Qal, “Lil Mintoff mort ngħidlu u l-Ingliżi kellhom is-Society of Anglo-Chinese Understanding, SACU, u jien għedtlu Prim, ħa nagħmilha din ta. Għedtlu ħa nsemmiha Society for Maltese Chinese Understanding. Qalli għaliex? Għedtlu għax l-Ingliżi … qalli ħallik mill-Ingliżi, nagħmluh Malti u hu tahuli l-isem: Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina.”
F’din ir-relazzjoni, fost l-ewwel pajjiż mill-Punent li welled ma’ dan il-pajjiż ġgant, li llum hu meqjus it-tieni l-akbar ekonomija dinjija, iċ-ċkejken pajjiżna rnexxielu jgawdi għadd ta’ żviluppi li għadhom monument fostna għexieren ta’ snin wara.
Qal, “Ma ninsewx, l-ikbar żewġ proġetti f’Malta, in-Number 6 Dock, li għadu l-akbar dock fil-Mediterran u l-Freeport huma għamluhom.”
Calleja semma magħna kif hu żar diversi drabi ċ-Ċina u għadu bix-xewqa li jerġa’ jmur, minkejja l-età.
Irrakkonta esperjenza partikolari meta ġie ffaċċjat b’mistoqsija minn mexxej Ċiniż li staqsih hekk…
Qal, “Qalli, Reno why do you love China so much? Għedtlu because I love Malta more u baqa’ impressjonat. Kienu ġabuni fil-gazzetta, għax dawn dejjem tawna lilna.”
F’din l-intervista, Reno Calleja esprima xewqa li għandu.
Qal, “Ix-xewqa tiegħi, jien ħa nagħlaq 80. Meta tasal fl-età tiegħi, tibda tirrealizza, jien naf ngħix 100 sena u dan għandi xewqa kbira li nerġa’ mmur iċ-Ċina.”