It-13 ta’ Diċembru tal-1974. Bħal-lum 50 sena, Malta saret Repubblika.
Kien ftit iżjed minn għaxar snin wara li Malta saret indipendenti, li pajjiżna neħħa l-monarkija Brittanika u l-Kap tal-Istat kien Malti.
Meta Malta saret indipendenti, fil-21 ta’ Settembru tal-1964, fisser ukoll li r-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit kienet ukoll ir-Reġina ta’ Malta.
L-ewwel pass biex pajjiżna wasal għal din il-kisba storika kien meta l-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-Perit Duminku Mintoff rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1971.
F’dik is-sena, Sir Anthony Mamo nħatar Gvernatur ta’ Malta, minflok Maurice Dorman, li kien il-mibgħut tal-monarkija tar-Renju Unit f’pajjiżna.
Sena wara, il-Gvern immexxi mill-Perit Mintoff innegozzja mal-Gvern Brittaniku biex sal-aħħar ta’ Marzu tal-1979 tingħalaq darba għal dejjem il-bażi militari Ingliża.
Kien fit-13 ta’ Diċembru ta’ 50 sena ilu, meta l-Parlament Malti, għadda liġi storika biex pajjiżna jsir Repubblika. B’49 ivvotaw favur, waqt li sitt deputati Nazzjonalisti vvotaw kontra.
Dan wassal biex Sir Anthony Mamo sar President ta’ Malta. Hawnhekk indaqqet il-fanfarra, indaqq l-innu Malti u ġew sparati 21 tir.
Ħamsin sena ilu, it-temp kien tipikament xitwi, iżda dan ma qatax qalb il-folla li nġabret barra l-Palazz tal-Gran Mastru, fil-Belt Valletta. Mill-gallarija tal-Palazz, ħareġ Sir Anthony Mamo, l-ewwel President tar-Repubblika ta’ Malta, flimkien ma’ Dom Mintoff, l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Repubblika.