Fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun ġiet imnedija wirja li tittratta l-kisbiet tal-komunità LGBTIQ+ tul dawn l-aħħar ħamsin sena b’ħidma minn Gvernijiet Laburisti.
F’diskors tal-okkażjoni, Dr Abela tenna li l-Partit Laburista minn dejjem kellu l-kuraġġ iwettaq il-bidliet u r-riformi li kien hemm bżonn favur l-ugwaljanza f’pajjiżna.
Fil-fatt kien biss il-Partit Laburista bħala pijunier favur id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna. Il-Prim Ministru saħaq li, bħala pajjiż, qatt m’għandna nħallu lil ħadd jgħid li f’dan il-qasam għamilna biżżejjed. Fakkar li mill-2016 lil hawn, pajjiżna mill-aħħar post fl-ugwaljanza, bir-riformi li għamilna, issa hu kklassifikat l-aqwa fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, tkellmet dwar il-kisbiet f’dan il-qasam matul dawn il-50 sena. Hi qalet li, fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-ewwel riforma f’dan il-qasam taħt Gvern Laburista fl-1973, twittiet it-triq u l-mixja li mmarkat bidla fid-direzzjoni tal-pajjiż. Qalet li l-istorja dejjem uriet li l-Partit Laburista kien fuq in-naħa t-tajba.
Sa mis-sena 1973, meta, taħt Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff, il-Parlament Malti approva, bi 28 vot favur u 26 kontra, il-liġi tad-dikriminalizzazzjoni tal-omosesswali, sa kisbiet storiċi oħrajn fl-aħħar għaxar snin, il-legat tal-Partit Laburista fil-qasam tad-drittijiet ċivili u tal-ugwaljanza huma impressjonanti.
Il-wirja mill-Partit Laburista qed tfakkar, fost l-oħrajn, dak li hu meqjus bħala t-turning point fil-mixja tal-progress lokali f’dan il-qasam, meta fl-2013 twaqqaf kunsill konsultattiv tal-komunità LGBTIQ+ magħmul mill-attivisti, bil-għan li jkunu huma li jipproponu l-liġijiet favur l-ugwaljanza.
Kisbiet importanti bis-saħħa ta’ dan u l-liġijiet approvati mill-Parlament bis-saħħa tal-Gvern Laburista kienu d-dritt tal-Unjoni Ċivili fl-2014 u ż-żwieġ indaqs fl-2017. Flimkien ma’ oħrajn wasslu għar-rikonoxximent ta’ Malta bħala l-mexxejja f’dan il-qasam fl-indiċi ta’ ILGA Europe għall-aħħar tmien snin.
Fil-wirja nsibu wkoll il-ħidma u s-suċċess ta’ pajjiżna fuq livell Ewropew permezz tar-rappreżentanti tal-Partit Laburista, bħall-istrateġija Ewropea għall-persuni LGBTIQ+ u d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala żona ta’ ħelsien għall-persuni LGBTIQ+.
Ma’ dawn it-tneħħija lokali tad-diskriminazzjoni fl-għoti tad-demm għal irġiel omosesswali u l-liġi li tipprojbixxi l-prattiċi ta’ konverżjoni u l-promozzjoni tagħhom.
Il-mixja tal-progress tinnota wkoll il-passi li jmiss fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern imnebbħa mill-programm elettorali ‘Malta Flimkien’.