“Ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa, jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran.”
Hekk kien iddikjara l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dom Mintoff, fis-6 ta’ Lulju tal-1973, proprju ħamsin sena ilu.
Hu ddikjara dan waqt il-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, li saret fil-kapitali tal-Finlandja, Helsinki.
Ħamsin sena wara din il-konferenza, ONE News tkellem mal-istoriku, il-Professur Ray Mangion, li spjega l-kuntest ta’ din il-konferenza internazzjonali, fi żmien it-tmiem tal-Gwerra Bierda bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.
“Kien ifisser li l-pajjiżi tal-Ewropa kienu qed ifittxu li jkun hemm, mhux biss tmiem l-era tal-Gwerra Bierda, imma li jkun hemm paċi aħħarija, bejn iż-żewġ naħat tas-superpotenzi.”
Professur Ray Mangion
Il-Professur Mangion qal li Mintoff kien wassal il-messaġġ ta’ Malta; dak li l-paċi bejn iż-żewġ naħat ma setgħetx issir jekk ma jagħtux kas lill-Mediterran.
Fi żmien din il-laqgħa għolja, il-Prim Ministru Dom Mintoff kien qed jitkellem fi żmien ta’ numru ta’ konflitti fil-Mediterran, fosthom dawk f’Iżrael u Ċipru, fost oħrajn.
“Anzi hu l-kunċett tiegħu kien li l-paċi hi s-sisien ta’ kull stabilità bejn iż-żewġ naħat tad-dinja u għamilha ċara li anke kien lest juża l-veto, jekk ma jiġix imdaħħal dokument speċifikament fuq il-Mediterran, li jfisser dan kollu u kien qiegħed jgħid ukoll li għandu jkun hemm fl-att finali dokument li għandu x’jaqsam mal-Mediterran u li jispeċifika li bil-paċi fil-Mediterran biss ikun hemm paċi milħuqa bejn iż-żewġ naħat tad-dinja.”
Professur Ray Mangion
Din il-konferenza kompliet sa sentejn wara u kien proprju f’Awwissu tal-1975 li Anton Buttigieg iffirma dan il-ftehim li rrefera għall-paċi fil-Mediterran, kif saħaq il-Prim Ministru Mintoff.
Storikament pajjiżna wkoll kien protagonist għat-tmiem tat-tensjoni kbira bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika wara laqgħa fostna bejn il-Presidenti rispettivi, George H. W. Bush u Mikhail Gorbachev, ’il barra mix-xatt ta’ Birżebbuġa.