F’Marzu tal-1972, propju ħamsin sena ilu, il-Gvern Malti ffirma r-reviżjoni tat-trattat tad-difiża mal-Gvern Ingliż.
Dan hekk kif wara l-kisba tal-Indipendenza f’Settembru tal-1964, il-Gvern Malti ffirma ftehim ta’ difiża mal-Gvern Ingliż għal perjodu ta’ għaxar snin.
Wara li nbidel il-Gvern f’Ġunju tal-1971, bdew negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi.
B’dan wassal biex fis-26 ta’ Marzu, f’Marlborough House f’Londra ġie ffirmat ftehim bejn il-Prim Ministru Malti ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff u s-Segretarju tal-Istat Ingliż Lord Carrington.
Hawnhekk intlaħaq ftehim li kien jara li sal-aħħar ta’ Marzu tal-1979, l-Ingliżi jħallu darba għal dejjem il-bażi militari f’Malta.
F’dan il-perjodu ta’ seba’ snin, l-Ingliżi ntrabtu li jħallsu ferm aktar minn dak li kienu jħallsu qabel. Dan hekk kif intrabtu li jridu jħallsu erbatax-il miljun lira sterlina fis-sena.
Kważi t-tripplu minn dak li kien innegozja George Borg Olivier u l-għotjiet ma kinux parti minnhom self, bħala dak fl-1964.
Fin-negozjati bejn Mintoff u Carrington kienu mill-aktar iebsin sakemm Malta ħadet pakkett favorevoli li stimula l-ekonomija.
Carrington kien qal li Mintoff kien l-aktar negozjatur iebes li sab.