Kien fid-29 ta’ Jannar tal-1973, meta l-gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Duminku Mintoff iddekriminalizza l-omosesswalità fil-privat.
Il-liġi ġiet diskussa f’Novembru tal-1972 u ttieħed vot fuqha fil-Parlament proprju ħamsin sena ilu.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ George Borg Olivier, kienet ħadet l-istess pożizzjoni tal-Knisja, li kienet iddikjarat lill-persuni omosesswali bħala morda. L-Oppożizzjoni ħarġet b’saħħa kontra din il-liġi u, fil-fatt, il-vot finali fil-Kamra tar-Rappreżentanti kien ta’ 28 favur u 26 kontra.
Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, ONE News tkellem ma’ Eman Borg, li għamel it-teżi tiegħu fl-Università ta’ Malta dwar dan is-suġġett.
Borg spjega kif, minkejja li l-gvern ta’ Mintoff dak iż-żmien kellu suġġetti jaħarqu ferm fuqiex jiffoka, xorta waħda poġġa d-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità fil-privat fuq l-aġenda tiegħu.
“Ħamsin sena ilu f’Malta, li kienet għadha qed issib lilha nnifisha bħala pajjiż indipendenti u ħieles, bi Gvern ta’ Mintoff li kien reġa’ tela’ fil-Gvern u kellek Malta li kienet għadha qed issofri fuq livell soċjali anke dwar l-interdett u d-dnub il-mejjet; 50 sena ilu kellek dan il-vot storiku, anke wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa li wassal għad-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità fil-privat.”
Ir-riċerka ta’ Borg, li huwa wkoll il-President tal-għaqda LGBTI+ Gozo, tħares ukoll lejn x’kienu qed jgħidu bosta dwar il-liġi, inkluża l-Knisja f’Malta.
Fil-fatt, f’ittra pastorali ppubblikata fil-gazzetta tal-Knisja, ‘Leħen is-Sewwa’, l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Mikiel Gonzi kien qal li min kien omosesswali kien jeħtieġ il-kura u li għalkemm il-Gvern neħħa l-liġi l-Knisja xorta waħda kienet se tibqa’ tqis l-omosesswalità bħala ksur gravi tal-ordni morali.
“Ir-riċerka tħares lejn id-diskorsi parlamentari tal-Membri Parlamentari fil-Parlament u, b’mod fattwali, x’kienu qed jgħidu. Tħares lejn ittri tal-edituri, opinjonijiet li ntbagħtu lill-editur, u anke l-ittra pastorali li nħarġet mill-Isqfijiet fl-1 ta’ Jannar tal-1973. Hemmhekk naraw l-opinjonijiet kollha tas-soċjetà Maltija f’dak iż-żmien, li wasslet għal Malta li tiddekriminalizza l-omosesswalità fil-privat.”
Bħalma ġara aktar tard fl-istorja moderna ta’ Malta, meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi liġijiet sabiex il-persuni LGBTIQ+ jingħataw aktar drittijiet, il-gvern Laburista reġa’ sab lill-Oppożizzjoni kontrih.
Il-liġi li kienet għaddiet b’saħħet il-gvern Laburista ħamsin sena ilu titqies bħala mument li witta t-triq sabiex illum il-ġurnata Malta tinsab fl-ewwel post tal-klassifika dwar drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
“Ħamsin sena wara, Malta, fis-sena 2023, qed tiċċelebra l-Europride. Għalhekk qed naraw il-moviment li beda ħamsin sena ilu, minn moviment ta’ protezzjoni għall-individwi omosesswali, għal moviment ta’ ugwaljanza li Malta llum il-ġurnata qed tiċċelebra, għal seba’ snin konsekuttivi l-ewwel fuq il-mappa tal-Ewropa.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u Riformi, Rebecca Buttigieg, f’podcast apposta li għamlet flimkien ma’ Eman Borg għal dan l-anniversarju, innutat il-kisbiet ta’ Malta f’dan il-qasam.
“Xi ħaġa illi għal dak iż-żmien kienet importanti ħafna, kienet kisba li kellhom kuraġġ kbira biex imexxuha ’l quddiem u llum, ħamsin sena wara, qed naraw kemm kienet diffiċli li tagħmel pass bħal dak f’soċjetà konservattiva. Ħamsin sena wara qed naraw li qegħdin fil-quċċata tal-klassifika meta nħarsu lejn drittijiet.”