“Health at a Glance: Europe 2016”, rapport konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-OECD ippubblikat illum, juri li l-istennija tal-għomor issa taqbeż it-80 snin f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE.
Madankollu, din l-istennija tal-għomor rekord mhux dejjem iġġib magħha snin ta’ ħajja b’saħħitha. Madwar 50 miljun persuna fl-UE jbatu minn ħafna mard kroniku, u kull sena aktar minn nofs miljun persuna fl-età tax-xogħol imutu minħabba fih, u dan jirrappreżenta spiża annwali ta’ madwar 115-il biljun EUR għall-ekonomiji Ewropej.
Ir-rapport konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tal-OECD “Health at a Glance: Europe 2016” juri li l-politika mmirata biex jippromwovu saħħa tajba u li jilqgħu għall-mard kif ukoll għal kura tas-saħħa iktar effettiva jistgħu jsalvaw il-ħajjiet u jiffrankaw biljuni ta’ euro fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis qal: “Ir-rapport Health at a Glance jipprovdi informazzjoni utli għall-Istati Membri biex jiffurmaw l-azzjonijiet tagħhom dwar is-saħħa fil-politika kollha.
Juri li fl-UE kull sena jmutu ħafna nies b’mard li potenzjalment jista’ jiġi evitat u li hu marbut ma’ fatturi ta’ riskju bħat-tipjip u l-obeżità.
Jenfasizza wkoll il-bżonn li nkomplu bl-isforzi tagħna biex naċċertaw li l-kura tas-saħħa ssir iżjed aċċessibbli.
Ir-rapport jirrappreżenta l-inizjattiva ewlenija tas-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-OECD biex jiġi żviluppat għarfien speċifiku għall-pajjiżi u bejn il-pajjiżi dwar is-saħħa u s-sistemi tas-saħħa, u huwa l-ewwel pass lejn ‘il-Qagħda tas-Saħħa fl-UE’.”
Angel Gurría, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), żied jgħid: “Nistgħu nsalvaw ħafna iktar ħajjiet jekk il-pajjiżi tal-UE jgħollu l-istandards tal-kura għall-għola livell. Irridu nagħmlu iktar biex innaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess u fil-kwalità tal-kura, u s-sistemi tas-saħħa Ewropej iridu jsiru aktar effiċjenti biex jidderieġu r-riżorsi fejn ikollhom l-ikbar impatt fuq ir-riżultati tas-saħħa, inkluża l-prevenzjoni.”