B’investiment ta’ €11-il miljun, il-Prim Ministru Robert Abela assista għall-inawgurazzjoni ta’ 50 karozza tal-linja ġdida.
Il-vetturi l-ġodda twal tnax-il metru qed jieħdu post vetturi antiki tat-tip King Long li kienu twal disa’ metri, biex kull vettura qed tirdoppja l-kapacità ta’ kemm tista’ ġġorr passiġġieri.
Dawn il-vetturi jżidu wkoll is-sigurtà f’każ ta’ emerġenza għax għandhom żewġ bibien ta’ dħul u ħruġ b’differenza għal dawk li kien hemm qabel li kellhom biss bieba waħda.
Qabel il-pandemija, il-karozzi tal-linja f’Malta kienu jġorru medja ta’ 181,000 passiġġier kuljum. Waqt il-pandemija dan in-numru niżel għal erbgħin elf u fl-aħħar ġimgħat reġa’ beda jiżdied u fil-fatt il-Ħamis inqabżu l-100,000 passiġġier fuq tal-linja f’ġurnata.
Felipe Cosmen, iċ-Chairman tal-Malta Public Transport, qal li l-esperjenza tal-kumpanija f’Malta kienet waħda pożittiva tant li ntużat bħala mudell biex fl-aħħar xhur beda jingħata l-istess servizz f’Ċipru.
Semma l-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Maltin fi żmien il-pandemija.
Huwa stqarr: “I think the reaction of the Government was very fast. We implemented in cooperation with Transport Malta many measures of social distancing and we reduced the capacity of our buses. We introduced the perspex to protect the drivers, the masks, and I think we did a good job together and the results are on the street.”
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li s-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta fl-aħħar snin ra qabża kbira fil-kwalità bis-saħħa tal-investiment kbir li sar u qed ikompli jsir.
Dr Abela fakkar fil-viżjoni tal-Gvern li s-servizz tat-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kulħadd.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg fakkar ukoll li bħalissa hawn tmenin elf persuna f’Malta li huma intitolati għal trasport pubbliku b’xejn, fosthom żgħażagħ, studenti u anzjani.
Il-Ministru Borg sostna: “Il-fatt li qed naraw ħamsin vettura ġdida, ikbar, iktar moderni u ma jniġġsu kważi xejn, allura din tkompli tgħin f’din il-viżjoni aktar wiesa’ li għandna, kemm mill-aspett tat-trasport imma anki b’rispett sħiħ lejn l-ambjent.”
Ritratt: Gareth Degiorgio