F’konferenza f’Shanghai fiċ-Ċina, li għaliha attendiet is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Potelli, mal-50 familja applikat biex tinvesti fil-programm tal-MRVP—il-programm Malti dwar residenza u visa b’investiment lil individwi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.
Fost il-kriterji ewlenin biex ikunu aċċettati tali applikazzjonijiet, hemm li l-individwi jridu jikru jew jixtru dar f’Malta jew f’Għawdex, jixtru mal-€250,000 fi stockstal-Gvern, u li jkollhom mill-inqas dħul ta’ €100,000 fis-sena.
Matul is-sentejn li ilu mwaqqaf dan il-programm b’investiment kienu approvati 140 applikazzjoni li 80% minnhom huma miċ-Ċina.
Fil-konferenza mtella’ minn Shanghai Overseas Exit Entry, il-konċessjonarju li sentejn ilu rebaħ sejħa internazzjonali biex imexxi dan il-programm fiċ-Ċina, Hong Kong u Makau, attendew mal-200 individwu u investitur.
Matul dan l-avveniment kienet spjegatha l-ħidma li qed issir fiċ-Ċina fuq reklamar ta’ Malta bħala destinazzjoni li toffri opportunitajiet ta’ investiment u programmi edukattivi ta’ eċċellenza.
Meta kienet qed tindirizza l-konferenza, is-Segretarju Parlamenatri Julia Farrugia Portelli qalet li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina jmorru lura għall-1972 u l-politika tal-gvern Malti hi li tkompli tibni fuq dawn ir-relazzjonijiet.
Hi spjegat li l-politika tal-Gvern hi li Malta tkompli tattira individwi li jħarsu lejn Malta mhux biss bħala l-post fejn ikollhom it-tieni dar tagħhom iżda wkoll biex fiha familji Ċiniżi jinvestu u jressqu lejn il-pajjiż proġetti innovattivi.
Aktar qabel, is-Segretarju Parlamentari Portelli żaret l-uffiċini ta’ Shanghai Overseas Exit Entry li timpjega magħha 200 ħaddiem.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Shanghai Overseas Exit Entry Kevin Mao qal li b’kollox f’dawn l-aħħar 24 xahar il-kumpanija investiet €6 miljun f’reklamar fuq Malta.
“Il-pass li jmiss hu li nkomplu nattiraw investituri ġodda li jwaqqfu aktar negozji f’Malta”, spjega Mao.
Roderick Cutajar, CEO tal-Aġenzija Maltija għar-Residenza u Visa l-MRVA, fisser kif Malta hi kuntenta bil-ħidma li qed tagħmel Shanghai Overseas Exit Entry, bir-riżultati juru li l-maġġoranza assoluta tal-applikazzjonijiet li jidħlu minn din il-kumpanija huma ta’ livell għoli u jgħaddu mill-proċessi kollha tad-due diligenceinternazzjonali.
Preżenti wkoll għal din il-konferenza kien hemm l-Ambaxxatur għal Malta fiċ-Ċina John Aquilina u l-Konslu Ġenerali f’Shanghai Aldo Cutajar.