Ħamsa fil-mija tal-Maltin ibatu minn diżordni tal-ikel bħall-anoressija u l-bulimija, b’elf minnhom ikunu nisa u seba’ mija jkunu rġiel.
Dan ħareġ minn studju li sar minn Dar Kenn Għal Saħħtek flimkien mal-Fakulta għall-Ħarsien Soċjali fl-Università ta’ Malta.
Id-Direttur ta’ Dar Kenn għal Saħħtek, Darlene Zerafa spjegat li dan sar bħala bazi għal terapija ġdida.
Qalet kif, “Sibna wkoll illi hemm ħamsa fil-mija ta’ dawn il-persuni li jkunu għaddejjin minn diżordni tal-ikel u dan issa rridu nużawh bħala bażi għal terapija ġdida sabiex niffukaw kemm nistgħu fuq il-prevenzjoni kif ukoll sabiex aħna nsibu dawn il-persuni li sfortunatament ma jersqux għat-terapija għal bosta raġunijiet”
Il-professjonista fil-Qasam tas-Saħħa Mentali, Rosanne Buhagiar, qalet li dizordnijiet tal-ikel għandhom aspetti psikoloġiċi, soċjali u bioloġiċi, li kollha għandhom bzonn kuraspecjalizzata.
Spjegat li, “L-aspetti Psikoloġiċi jistgħu jinkludu l-perfezzjoniżmu, ċertu flessibbilità fil-mod ta’ kif persuna taħseb. Jista’ jkun hemm element ikbar ta’ anzjeta, jista’ jkun hemm ukoll storja fil-familja ta’ diżordni tal-ikel, jew nkella ta’ trauma fil-passat ta’ dawn in-nies”
F’xi kazijiet, dawn il-kundizzjonijiet kapaċi jfeġġu anke minn xi dieta li niddeċiedu li nagħmlu.
Qalet, “Ma jfissirx li jiena għax se nagħmel dieta bilfors ħa niżviluppa diżordni tal-ikel. Jiġifieri jiddependi ħafna ċ-ċirkostanzi tal-persuna imma naraw li f’persuni li jbatu minn diżordni tal-ikel xi kultant ikun hemm din id-diżordni tibda mill-kliem ‘jiena ħa nibda din id-dieta’ li mbagħad tmur fl-estrem”.
Hawnhekk sar aċċenn biex dawk li sfaw mirkuba minn dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet, ifittxu l-għajnuna.
Sostniet, “It-tim ta’ Dar Kenn Għal Saħħtek joffri kura kemm residenzjali kif ukoll meta persuna tiġi titlob għall-għajnuna nkunu nistgħu nsegwuha fuq bażi ta’ out-patients, fejn persuna tiġi għall-appuntamenti u imbaġħad nibqgħu nsegwuha meta jkunu għaddejjin bil-ħajja normali tagħhom fis-soċjeta. Noffru wkoll kura għal ġurnata waħda, fejn persuna tiġi hawnhekk matul il-ġurnata u imbagħad filgħaxija tmur lura d-dar”