Aaron Steven Stewart Edward Ritchie ingħata sentenza ta’ ħames snin priġunerija effettiva, wara li nstab ħati ta’ serq ta’ ġojjellerija u flus minn dar ta’ mara li kienet barra minn Malta.
Il-każ imur lura għall-elfejn u sbatax f’Raħal Ġdid. Tul is-snin, il-Qorti semgħat kif fit-tmienja u għoxrin ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, il-Pulizija daħlitilha rapport li l-mara daħlet f’darha u sabet li nsterqu ġojjellerija b’valur ta’ €50,000, u €3,000 fi flus kontanti minn darha.
Il-Pulizija elevat cameras tas-sigurtá tal-vittma stess, u minn hawn identifikaw lill-imputat, li dak iż-żmien kien imfittex mill-Pulizija, u ġimgħatejn wara, huwa ġie arrestat.
Fil-Qorti, il-mara spjegat kif hija ma sabet ebda taqlib f’darha, iżda sabet basket nieqes u ġakketta mal-art. Hawn ġie suspett, u meta ċċekkjat il-kaxxa tal-ġojjellerija tagħha, sabet li nsterqulha l-oġġetti.
Kienet stqarret ukoll kif mill-filmati fejn jidher l-imputat dieħel mix-shaft, hija għarfet lill-imputat, hekk kif kien jaħdem ma’ iben il-ġara tagħha, u kien isellmilha.
Fl-għoti tas-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat il-fedina penali twila tal-akkużat, u apparti s-sentenza ta’ priġunerija, ġie ordnat iħallas €2,679 fi spejjeż tal-Qorti.