Raymond Debono ta’ 62 sena ntbagħat ħames snin ħabs u ngħata multa ta’ €116 wara li nstab ħati li weġġa’ gravi lil kuġinuh ta’ 74 sena b’daqqiet ta’ mus f’Ħal Għargħur. Huwa ġie akkużat ukoll li hedded lill-vittma u li kien qed iġorr arma mingħajr liċenzja.
Il-każ seħħ meta l-vittma, ta’ 74 sena, kien fi triqtu biex imur għand ibnu f’Ħal Għargħur.
Fil-Qorti nstema’ li l-akkużat hedded lill-vittma u qallu: “Jien noqtlok. Se noqtlok.” Kien dak il-ħin li ħareġ il-mus u qabad ixejru. Il-vittma xehed li minħabba l-feriti li kkawżalu kuġinuh dakinhar, kellha ssirlu operazzjoni u dam madwar ġimgħa rikoverat l-isptar.
L-għada li seħħ il-każ, il-vittma stqarr mal-Pulizija li l-aggressjoni aktarx li seħħet għax kellu xi kwistjonijiet żgħar ma’ kuġinuh fuq xi kera jew ċens tar-residenza tal-akkużat.
Minbarra l-piena ta’ ħabs u l-multa, il-Qorti, li kienet ppreseduta mil-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ordnat lill-imputat jagħti lill-vittma kumpens ta’ €4,000. Barra minn hekk il-Qorti ordnatlu jħallas €20,922 fi spejjeż tal-Qorti. Ordnat ukoll il-konfiska tal-mus li ġie esebit u poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ trażżin għal tliet snin.