Jomic Calleja ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ intbagħat 5 snin ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li kkonfoffa ma’ persuni barra mill-pajjiż biex jimporta splussiv f’pajjiżna mill-Istati Uniti.
Fil-Qorti ħarġu wkoll messaġġi, li kisbu l-investigaturi, u li l-imputat kellu ma’ persuni oħrajn biex jikseb ukoll materjal tat-tip Polonium 210, Ricin u Fentanyl. Dawn huma sustanzi velenużi li meta jitħalltu mal-ilma joqtlu lill-vittmi tagħhom fi żmien ġimagħtejn.
Fil-proċeduri ġie spjegat ukoll li malli Calleja ma rnexxielux jikseb dawn it-tip ta’ veleni rrikorra għall-isplussivi. Hu pprova jixtri l-veleni mid-dark web, bl-investigaturi Maltin jiġu notifikati bit-tentattivi ta’ Calleja minn servizzi sigrieti barranin.
Skambju ta’ messaġġi juru wkoll li l-veleni li pprova jixtri Calleja kienu mmirati għal persuna li għandha tul ta’ bejn 165 u 175 ċentimetru u li jiżen bejn 55 u 65 kilogramma.
Kien hemm li l-investigaturi traċċaw ordni ta’ splussiv tat-tip C-4 li eventwalment kienet interċettata fl-Istati Uniti minn tim ta’ investigaturi Maltin, immexxija mis-Supretendent George Cremona.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrimarkat in-natura perikoluża tal-imputat u l-fatt li qatt ma wera rimors għall-azzjonijiet tiegħu.
Apparti s-sentenza ta’ 5 snin ħabs il-Qorti rrevokat żewġ depożiti tal-ħelsien mill-arrest preċedenti li kien ħallas l-imputat u li jlaħħqu l-ammont ta’ €51,000.
L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-Prosekuzzjoni.