Fl-aħħar sigħat, ħames persuni fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna, filwaqt li feġġew disgħa u erbgħin każ ġdid u hawn tliet mija u ħdax-il każ attiv.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, li qalet li erba’ persuni biss jinsabu l-isptar, fosthom anzjan li għandu kundizzjonijiet mediċi oħrajn.
Il-Professur Gauci qalet, “Il-maġġorparti tan-nies qegħdin id-dar u f’kundizzjoni medika tajba, biċċiet minnhom mingħajr sintomi, però importanti li nkomplu nsegwu l-kundizzjoni medika tal-persuna. Infatti, għandna t-tobba tal-Kura Primarja u healthcare workers li permezz ta’ TeleMedicine ikunu qegħdin isegwu dawn il-persuni ħalli naraw li huma jibqgħu b’saħħithom u ma jkollhomx bżonn ta’ għajnuna oħra.”
Il-Professur Gauci tat ħarsa lejn il-każijiet li feġġew f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat, u nnutat li ħafna minnhom kienu relatati mal-istess attivitajiet.
Fost l-oħrajn, kien hemm tlieta u tletin każ mill-festa ta’ Santa Venera, tlieta u tletin każ ieħor minn diversi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville, għoxrin każ minn festin f’lukanda, erbatax-il każ minn skejjel li jgħallmu l-Ingliż, u ħames każijiet minn SkolaSajf.
Bil-għan li s-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll, wara li l-Gvern u l-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD qablu fuq diversi punti, Charmaine Gauci spjegat numru ta’ avviżi legali ġodda li daħlu fis-seħħ mill-Ġimgħa.
L-attivitajiet tal-massa mhux se jsiru, imma se jitħallew ċertu attivitajiet b’restrizzjonijiet u limitu fuq in-numru ta’ nies li jistgħu jattendu.
Mhux se jkunu permessi aktar minn mitt persuna fuq ġewwa, u tliet mitt persuna fuq barra. Dan billi jinżammu l-istandards li tħabbru l-ġimgħa l-oħra wkoll, u mingħajr postijiet għaż-żfin, jew aħjar dance floors.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika saħqet, “Fuq il-miżuri li aħna għamilna fuq l-outdoors u l-indoors, huwa importanti ħafna li nifhmu l-prinċipju. Meta għandek persuna barra, għandu inqas riskju li jiġi trażmess lilu l-virus milli kieku persuna huwa ġewwa u huwa għalhekk li l-miżuri u l-capping fuq ġewwa huwa capping li huwa inqas minn dak li għandna fuq barra.”
Il-Professur Gauci qalet li l-ilbies tal-maskri se jkun obbligatorju fil-ħwienet, fuq it-trasport pubbliku, fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Min jinqabad mingħajr maskra f’dawn il-postijiet, se jeħel multa ta’ ħamsin ewro.
“Infakkarkom kif taħdem il-maskra. Il-maskra tiegħi qed tipproteġi lilek. Il-maskra tiegħek qed tipproteġi lili. Allura importanti li kulħadd ikun responsabbli biżżejjed u għalhekk aħna qegħdin nagħmlu dan l-avviż legali biex min ma jilbisx il-maskra, ikollu multa ta’ ħamsin ewro.” Tenniet il-Professur Gauci.
Il-Professur Charmaine Gauci spjegat li n-nies se jkunu jistgħu jibqgħu jżuru l-anzjani u l-qraba fl-isptar, iżda se jittieħdu l-prekawzjonijiet biex jiġi evitat il-kuntatt fiżiku ma’ dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli.
Fakkret li ż-żieda fit-testijiet li jsiru hija kruċjali biex jibqa’ jkollna stampa ċara tas-sitwazzjoni f’pajjiżna, u huwa għalhekk li se jiżdiedu żewġ ċentri oħra għall-ittestjar.