Fl-aħħar sigħat, feġġew ħames każijiet oħra ta’ coronavirus f’pajjiżna minn fost sitt mija u sebgħa u tletin test – l-akbar ammont ta’ testijiet li saru sa issa, biex it-total ta’ persuni nfettati f’Malta tela’ għal mija u sitta u ħamsin.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn dawn il-każijiet, tlieta huma relatati ma’ safar, u tnejn ittieħdu bi trażmissjoni lokali.
L-ewwel każ relatat mas-safar huwa Malti ta’ tletin sena li kien il-Messiku u qagħad kwarantina meta ġie Malta.
Każ ieħor huwa ta’ Maltija ta’ erbgħa u sittin sena li kienet l-Ingilterra u kienet kwarantina meta ġiet lura.
It-tielet każ relatat mas-safar huwa raġel ta’ tletin sena li jaħdem fil-qasam tas-saħħa u li ġie mill-Ingilterra fl-għaxra ta’ Marzu. Huwa siefer fi żmien meta l-kwarantina ma kinitx mandatorja, u mar għax-xogħol. Għaldaqstant qed isir eżerċizzju ta’ assessjar mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġu identifikati nies li setgħu kellhom kuntatt miegħu.
L-ewwel każ ta’ trażmissjoni lokali huwa ta’ Maltija ta’ ħamsa u tletin sena li ma kinitx imsiefra u ma kellhiex kuntatt ma’ nies li ħarġu pożittivi għall-COVID-19. Hija ma marritx għax-xogħol u kellha biss kuntatt ma’ żewġ membri tal-familja. Dawn ukoll bdew juru s-sintomi u qed isirulhom it-testijiet.
It-tieni każ trażmess lokalment huwa ta’ Maltija ta’ erbgħa u erbgħin sena li ma kinitx imsiefra u bdiet bis-sintomi fit-tnejn u għoxrin ta’ Marzu. Hija kienet fuq il-post tax-xogħol u qed jiġu identifikati n-nies li jaħdmu magħha.
Il-pazjenti tal-każijiet ġodda jinsabu fi stat tajjeb ħafna ta’ saħħa. Bħalissa hemm ħames persuni fit-Taqsima tal-Infezzjonijiet tal-Isptar Mater Dei, sbatax fl-isptar privat ta’ St. Thomas f’Ħal Qormi u erbgħa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva – bl-anzjan ta’ tnejn u sebgħin sena għadu intubat u jinsab f’qagħda kritika. L-oħrajn qed jinżammu f’iżolati fi djarhom.
Meta mistoqsija dwar dawk li jbatu bil-pressjoni għolja, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li jekk jikkontrollaw il-pressjoni bil-pilloli, ma jiżdidilhomx ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet.
“Huma l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu minħabba l-pressjoni għolja li mhix kontrollata li jkunu f’riskju, jiġifieri inti għandek persuni li għandhom mard tal-qalb li fl-aħħar xhur kellhom bżonn li jagħmlu operazzjoni, dawk iva, huma kkunsidrati bħala iktar ta’ riskju ta’ kumplikazzjonijiet jekk jaqbadhom il-COVID.”
Meta mistoqsija dwar sitwazzjonijiet fejn ikun hemm tfal infettati bil-COVID-19, il-Professur Gauci kienet ċara.
“Aħna nħossu li l-ġenituri kienu diġà esposti għall-virus mat-tfal għaliex huma jkunu very close contact allura aħna qegħdin nagħtuhom iċ-ċans li joqogħdu mat-tfal għaliex nafu li dan huwa perjodu li persuna jkollha bżonn tidħol l-isptar u se ddum allura hemmhekk jinżammew magħhom.”
Lejlet festa pubblika, il-Professur Gauci reġgħet appellat għall-kawtela u biex ma jsirx ħruġ bla bżonn.
“Aħna hawnhekk qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna numru ta’ każijiet ikkonfermati, għandna numru ta’ każijiet bi trażmissjoni lokali barra fil-komunità tagħna jiġifieri jekk persuni joħorġu, hemm ċans kbir li jistgħu jiltaqgħu ma’ xi ħadd li jista’ jgħaddilhom dan il-virus u nibqa’ ntenni dejjem li l-vulnerabbli jibqgħu ġewwa u n-nies l-oħrajn kollha joħorġu biss għall-bżonnijiet.”
Intant, inħoloq indirizz elettroniku speċifiku għal dawk in-nies li jħossu li jagħmlu parti mill-gruppi ta’ nies vulnerabbli imma li ma rċevewx l-ittra fl-aħħar jiem. Dawn għandhom jibagħtu e-mail fuq covid19.vulnerable@gov.mt flimkien ma’ kopja tal-kartuna s-safra bil-lista tal-mediċini li jieħdu.