Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri ta rendikont tal-ispezzjonijiet li qed isiru mill-pulizija biex jiġi assigurat li dawk obbligati bi kwarantina mandatorja, josservawha.
Il-Ministru Byron Camilleri stqarr, “Sa ftit minuti qabel dħalna għal din il-konferenza stampa kienu saru 376 spezzjoni u anki kien hemm ħames persuni illi ġew anki mħarrka. Dan ifisser illi wara li kien hemm erba’ persuni sal-bieraħ, kien hemm persuna oħra illi ġiet imħarrka llum.”
Il-Ministru spjega kif il-korpi dixxiplinati ilhom imħejjija u ġew imħarrġa għal sitwazzjonijiet bħal tifqiegħa ta’ pandemija.
Saħaq kif l-ispezzjonijiet qed isiru b’mod wiesa’ biex il-kwarantina mandatorja li ġiet rakkomandata mill-awtoritajiet tas-saħħa tkun osservata b’mod sħiħ.
Huwa kompla jgħid, “L-ispezzjonijiet mhux biss qed isiru fuq każijiet ġodda iżda anki qed isiru spezzjonijiet fuq dawk il-persuni illi diġà jkunu nstabu illi ma jkunux qed josservaw l-obbligu legali li kellhom għal ta’ kwarantina.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal li ħidmet il-pulizija qed tibqa’ anki f’affarijiet oħra marbuta maż-żamma tal-ordni fil-pajjiż.
Qal li l-armata wkoll qed tagħti sehemha fit-tqassim tal-ikel u l-mediċini partikolarment l-anzjani, meqjusa fost l-aktar vulnerabbli kemm il-darba jintlaqtu mill-influwenza tal-coronavirus.
Il-Ministru stqarr, “L-armata illi mil-lum beda l-għajnuna anki li qed tagħti anki flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, l-għajnuna illi tagħti fit-tqassim tal-ikel ġewwa d-djar. Jinżlu fit-toroq anki permezz ta’ vetturi tal-armata illi qed jgħinu anki fit-tqassim tal-ikel ġewwa diversi djar f’Malta u Għawdex.”
Filwaqt li l-Ministru Camilleri qal li mas-suldati se jingħaqdu wkoll l-uffiċjali tal-komunità biex jgħinu fit-tqassim tal-ikel u l-mediċini huwa rringrazzja lil korpi dixxiplanti kollha li qed jagħtu sehem importanti għall-pajjiż.