Is-serata tal-Premju Soċjetà Ġusta, li ġiet organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’diżabilità u anzjanità attiva, premjat l-kapaċità tal-persuni b’diżabilità u min jaħdem b’tant dedikazzjoni fis-settur tad-diżabilità. Waqt din is-serata kien hemm preżenti artisti, inkluż persuni b’diżabilità, li taw spettaklu mill-isbaħ.
B’kollox kien hemm 5 premji.
Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità ntrebaħ minn Bridget Micallef, persuna li għalkemm tilfet id-dawl ta’ għajnejha ta’ età żgħira, l-abilità u d-determinazzjoni tagħha wassluha sabiex taħdem bħala tajpista fit-tim ta’ tajpisti tal-Kamra tad-Deputati.
Premju għal Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità ntrebaħ mill-organizzazzjoni Deaf People Association. Bis-saħħa ta’ din l-assoċjazzjoni, l-poplu Malti u Għawdxi sar aktar konxju fuq il-kultura u l-bżonnijiet ta’ persuni neqsin mis-smiegħ.
Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport, Arti u Kultura ntrebaħ minn Special Olympics Malta, organizzazzjoni li ilha tagħti taħriġ sportiv u terapija lill-persuni b’diżabilità mill-1999. Din l-organizzazzjoni tat l-opportunità ’l fuq minn 400 atlet biex jikkompeti f’kompetizzjonijiet internazzjonali, u dejjem għamlu unur lill-pajjiżna.
Premju Soċjetà Ġusta ntrebaħ minn Isabelle Bonello, persuna li apparti li hija ħabbrieka u effiċjenti ħafna f’xogħolha, hija persuna attiva fis-settur tad-diżabilità. Persuna li taħdem bis-sħiħ għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Ipparteċipat f’diversi konferenzi barra minn Malta, kif ukoll f’pajjiżna, f’kunsilli varji li minnhom ħarġu inċentivi li għamlu ħafna ġid f’dan is-settur.
Bjorn Formosa ġie premjat għall-perseveranza tiegħu għaliex huwa eżempju ċar ta’ dedikazzjoni u determinazzjoni. Huwa emmen fil-ħolm tiegħu, liema ħolm għamlu realtà u minnu ser jibbenifikaw ħafna persuni oħra.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, saħaq fuq l-importanza li nirrikonoxxu l-abilità ta’ kull individwi filwaqt li rringrazzja lil kull wieħed minnhom għad-dedikazzjoni tagħhom f’dan is-settur essenzjali għas-soċjetà.