B’investiment ta’ €580,000, ġew inawgurati ħames boilers li se jimmodernizzaw u jtejbu l-effiċjenza tal-Biċċerija Pubblika f’pajjiżna.
Bħala medja l-Biċċerija ssaħħan madwar 150 metru kubu ta’ ilma kuljum fid-diversi proċessi tagħha, u b’hekk permezz ta’ dan l-investiment mhux biss se tkun qed tnaqqas l-ispiża tal-fuel b’60%.
F’każ li dawn il-boilers ikunu bil-ħsara, se jkun qed jitranġa wkoll boiler qadim, li jitħaddem bid-diesel.
Inxtraw ukoll vaporizer, sistema ġdida ta’ heat exchangers u sistema ta’ tifi tan-nar.
Id-Direttur tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia qal li permezz ta’ din l-inizjattiva, se jkomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sa 50% filwaqt li jinġiebu fix-xejn l-emissjonijiet ta’ particulate matter.
Dan hekk kif minn sistema ta’ legacy fuel, jiġifieri, l-Heavy Fuel Oil, inqelbet għal sistema ta’ fuels aktar nadifa, b’boilers, solar water heaters u l-fuels differenti li se jkunu qed jintuża, fosthom l-LPG.
“Aħna se nkunu qed innaqqsu l-ispejjeż tal-fjuwils tagħna b’madwar 60% u fl-istess ħin ħa nnaqqsu l-emmissjonijiet, dak li jiġi carbon equivalent, sa madwar 50%. Ovvjament se nkunu qed innaqqsu particulate matter.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikolura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, spjega li dawn il-boilers, ta’ daqsijiet differenti, huma tajbin għall-ambjent u jmorru id f’id mal-miri tal-ambjent.
“Il-Gvern reġa’ investa din is-somma, biex naraw li nagħmlu miżura, li apparti li hija waħda ambjentali, għaliex qed innaqqsu l-emmissjonijiet tas-Co2 b’60%, min-naħa l-oħra qegħdin naraw ukoll li filwaqt li l-konsumatur jieħu l-aħjar prodott, qegħdin naraw ukoll li r-raħħala tagħna ikunu aktar kompetittivi.”