Fl-aħħar sigħat ħames barranin li jagħmlu parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata, ġew arrestati waqt operazzjoni b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar tad-droga f’pajjiżna.
Wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet, permezz ta’ ‘Intelligence-LedPolicing’, il-Pulizija identifikat lill-persuni allegatament involuti.
Bl-informazzjoni kollha miġbura, il-Ħadd li għadda l-Pulizija ċċirkondaw vettura f’Ħaż-Żabbar fejn fiha nstabu mas-seba’ kilogrammi kokaina.
L-investigazzjonijiet tkomplew f’residenza f’Ħaż-Żabbar u f’żewġ residenzi oħra f’Wied il-Għajn u mit-tfittxijiet li saru fihom instabet iktar kokaina, mas-sitt kilogrammi ħaxixa tal-kannabis, armi tan-nar, munizzjon, apparat relatat ma’ traffikar tad-droga, magna li tgħodd il-flus u ammont sostanzjali ta’ flus kontanti, kif ukoll numru ta’ dokumenti ffalsifikati, fost affarijiet oħra.
Il-persuni arrestati huma raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 22 sena mis-Serbja, raġel ta’ 34 sena mill-Kroazja, raġel ta’ 54 sena mill-Maċedonja u Taljan ta’ 37 sena.
Il-persuni kollha qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Sant Lia.