Matul is-sena li għaddiet, l-anzjani u ż-żgħażagħ gawdew minn ħames miljun u seba’ mitt elf vjaġġ b’xejn ta’ tal-linja.
Dan wara li l-anzjani minn ħamsa u sebgħin sena ’il fuq, persuni b’diżabilità u żgħażagħ bejn l-erbatax u l-għoxrin ma jħallsux għas-servizz ta’ tal-linja u minn din is-sena, dan is-servizz ġie estiż għall-anzjani minn sebgħin sena ’l fuq.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja spjega li n-numru ta’ vjaġġi tas-sena l-oħra huwa wieħed inkoraġġanti ħafna, li juri li l-Maltin lesti jagħmlu użu mit-trasport alternattiv, speċjalment meta l-Gvern qiegħed jiffaċilità dan billi jinċentiva.
Bugeja spjega li mill-elfejn u ħmistax kien hemm żieda totali ta’ erbgħa u ħamsin karozza tal-linja miżjuda mal-flotta għal titjib tas-servizz tat-trasport pubbliku.
Bugeja spjega kif din il-flotta preżenti se twassal għal żieda fil-frekwenzi ta’ ċertu rotot.
Huwa qal li dawn il-vetturi huma aktar effiċjenti u jiġġeneraw inqas emissjonijiet u se jwasslu biex il-Malta Public Transport tkun tista’ ġġorr aktar nies.
Transport Malta qalet li hemm ċifri impressjonati fil-ħruġ tat-tallinja card.
Qal, “Tallinja card, li illum iċ-ċittadin għaraf l-importanza tagħha u l-prattiċità, illum il-ġurnata, skont l-aħħar ċifri li għandna hemm erba’ mija u għoxrin elf tallinja card.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta spjega li qed isir studju biex fil-futur, il-karozzi tal-linja l-ġodda jkunu jaħdmu bl-elettriku.
Spjega, “Tal-linja tal-elettriku huwa suġġett fuq l-aġenda kemm tal-Gvern kif ukoll tal-awtorità. Għandna diskussjonijiet għaddejin fejn l-għan huwa li bil-mod il-mod nibdew nersqu lejn din id-direzzjoni.”