Tnediet rotta permanenti li se ttejjeb b’mod sinifikanti s-servizz għall-istudenti Universitarji Għawdxin li jivvjaġġaw lejn il-kampus tal-Università ta’ Malta.
Permezz ta’ dan, il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €210,000 fis-sena biex jipprovdi s-servizz.
Din l-inizjattiva daħlet fis-seħħ wara diskussjonijiet estensivi mal-Grupp Universitarju Għawdxi, il-GUG, fuq il-bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi tat-trasport li jiffaċċjaw l-istudenti Għawdxin.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Ġie spjegat li mid-diskussjonijiet mal-GUG ħarġu diversi fatturi, li kienu qed jaffettwaw l-għażliet tat-trasport eżistenti. Għaldaqstant qed tiġi mnedija din ir-rotta diretta bejn iċ-Ċirkewwa u l-Università ta’ Malta, li se tutilizza bypasses bħal dawk tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, b’żewġ waqfiet biss tul it-triq, li se jiggarantixxu l-aktar servizz veloċi possibbli.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, il-President tal-GUG, Christine Sultana, laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern, filwaqt li nnotat il-konsultazzjoni li kien hemm bejniethom fl-aħħar xhur.
“Ninsabu grati ħafna li ġiet introdotta l-X300 fuq bażi ta’ kuljum u mhux meta ma jaħdimx il-fast ferry biss. Ilna naħdmu ħafna biex dan il-pjan iseħħ flimkien mal-Malta Public Transport u l-Ministeri għal Għawdex u tat-Trasport u wasalna fejn xtaqna u nistenna li dan is-servizz jibda jintuża aktar.”
Il-Ministru għal Għawdex qal kif din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tiegħu, b’mod partikolari studenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta.
“Inkomplu noffru wkoll aktar opportunitajiet ta’ konnettività aħjar għall-istudenti Għawdxin li jaqsmu ta’ kuljum lejn il-gżira ta’ Malta biex jattendu l-Università u istituzzjonijiet oħrajn edukattivi. Se nibqgħu naħdmu biex nagħmlu l-ħajja aktar faċli għall-istudent Għawdxi li jaqsam lejn Malta.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Farrugia tenna l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinċentiva u jħajjar aktar nies jagħmlu użu minn mezzi alternattivi ta’ trasport. Hu spjega kif, permezz ta’ din ir-rotta, se jkunu qed jitnaqqsu numru sinifikanti ta’ karozzi mit-toroq, għax l-istudenti ġew offruti alternattiva prattika u li tagħmel sens.
“Mhux biss se jkollhom faċilità bl-investiment li qed jagħmel il-Gvern ta’ fast ferry, imma wkoll jikkumplimenta dan il-vapuri tal-Gozo Channel, fejn hawnhekk jinżlu ċ-Ċirkewwa u li minn hawn l-X300 twassalhom direttament lejn l-Università.”
Hu qal ukoll kif, fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jkompli jħabbar inizjattivi li jikkumplimentaw mhux biss l-investiment li tħabbar ftit ilu fiż-żieda fil-flotta tal-karozzi tal-linja, iżda anke investimenti infrastrutturali li se jkunu qed isostnu u jorbtu mal-viżjoni favur aktar mezzi alternattivi ta’ trasport.
Il-ħinijiet u r-rotta se jkunu disponibbli fuq is-sit ta’ Malta Public Transport.