Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ppubblika żewġ kontro-protesti, li tressqu fil-Qorti b’risposti għal żewġ protesti ġudizzjarji li saru kemm mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u ta’ Mark Amaira, dwar il-ħatra ta’ Norma Saliba bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.
Fl-ewwel kontro-protest imressaq mill-Ministeru, ġie rrimarkat kif iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti hu organu tal-Kunsill stabbilit mil-liġi, iżda mhux korp magħqud b’personalità ġuridika distinta u għalhekk ma jistgħux jinfetħu proċeduri kontrih stess.
Bl-istess mod ġie enfasizzat kif il-Ministeru qed jiċħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet imressqa, għax huma bla bażi.
Fit-tieni kontro-protest, il-Ministeru semma kif l-allegazzjonijiet fil-protest ġudizzjarju ta’ Amaira mhumiex veritiera, għax mhux minnu li ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti twaqqaf mingħajr konsultazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Fil-fatt, kif diġà ġie mħabbar b’pubblikazzjoni ta’ ritratti minn chats bejn l-istess Ministeru u l-President tal-Kunsill, Olvin Vella, dan tal-aħħar ġie informat kemm b’telefonata u anke bil-kitba u saħansitra ta l-approvazzjoni tiegħu biex il-Ministeru jmexxi bil-ħatra ta’ Saliba.
Fil-kontro-protesti ġie rrimarkat kif kien nuqqas tal-istess Vella jekk ma kkomunikax mal-membri l-oħrajn tal-Kunsill, hekk kif kien fid-dmir li jagħmel, u mhux sew li jeħel il-Ministeru għal tali nuqqas.
B’hekk il-kontro-protesti, iffirmati mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u mill-Avukat tal-Istat, ċaħdu bil-qawwa l-protesti mill-Kunsill tal-Ilsien Malti u Mark Amaira, waqt li tennew li l-ħatra ta’ Norma Saliba hi valida u skont il-liġi u għaldaqstant għandha tibqa’ fis-seħħ.