Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, diġà ġew f’pajjiżna aktar minn miljun u sitt mitt elf (1.6 miljun) turist.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wrew kif minn Jannar sa Lulju tal-elfejn u tlieta u għoxrin, it-turisti li waslu Malta żdiedu b’aktar minn mitt elf turist, meta mqabbel mal-ewwel seba’ xhur tas-sena tal-elfejn u dsatax – l-aħħar sena rekord għat-turiżmu lokali.
Dan hekk kif fl-ewwel seba’ xhur tal-elfejn u dsatax ġew ftit aktar minn miljun u nofs turist f’pajjiżna.
Din iż-żieda tfisser li fl-ewwel seba’ xhur issa pajjiżna rreġistra rekord ġdid ta’ turisti li ġew f’pajjiżna. Din hi l-ewwel sena, wara l-irkupru sħiħ mill-pandemija tal-COVID-19, li qed jiġu rreġistrati ċifri aħjar mill-2019.
Fil-fatt, meta mqabbel fuq l-istess żmien tas-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ erbgħin punt tmienja fil-mija (40.8%).
L-istess ċifri wrew ukoll li l-iljieli li t-turisti qattgħu fostna telgħu għal aktar minn għaxar punt sitt (10.6) miljun lejl, żieda ta’ kważi erba’ fil-mija (4%) fuq l-elfejn u dsatax, u żieda ta’ tmienja u għoxrin punt sebgħa fil-mija (28.7%) fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
L-NSO wera wkoll li l-infiq sħiħ mit-turisti fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena kien stmat li laħaq il-wieħed punt erba’ miljun ewro (€1.4 miljun), żieda ta’ aktar minn mitejn elf ewro jew sbatax punt erba’ fil-mija fuq l-istess perjodu tal-elfejn u dstax.
L-infiq sħiħ ras għal ras telaʼ għal tmien mija u disgħa u erbgħin ewro (€849).
Intant l-istess ċifri wrew li l-għadd tat-turisti li waslu Malta f’Lulju tal-2023 żdied bi kważi sebgħa fil-mija (7%) fuq l-istess xahar tal-elfejn u dsatax.
Filfatt, l-NSO wera li l-għadd sħiħ tat-turisti li waslu f’Lulju ta’ din is-sena kien ilaħħaq it-tliet mija u ħamsa u għoxrin elf, erba’ mija u sebgħa u ħamsin (325,457).
L-akbar għadd ta’ turisti li żaru pajjiżna matul ix-xahar ta’ Lulju kellhom bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena.
L-iljieli li qattgħu l-barranin fostna f’dan ix-xahar qabżu ż-żewġ miljuni u nofs (2,532,743), filwaqt li n-nefqa tagħhom laħħqet it-tliet mija u erbgħa u tletin miljun u ħames mitt elf ewro.
L-infiq medju għal kull lejl f’Lulju ta’ din is-sena kien stmat li kien mija u tnejn u tletin ewro (€132.1).