Il-Ministru Ian Borg ippreżenta l-warrant lil 49 inġinier u inġiniera. Hu saħaq dwar l-importanza ta’ din il-professjoni u l-bżonn li l-pajjiż għandu ta’ aktar nies f’din il-linja. Il-Ministru feraħ lill-inġiniera tas-suċċess tagħhom u awguralhom fil-karriera tagħhom.
Għall-inġiniera li jmiss, qal il-Ministru, il-proċess sabiex jiksbu l-warrant se jkun aktar faċli hekk kif il-bord tal-warranting tal-inġiniera għadu kif nieda sistema ta’ applikazzjoni li ssir online minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru stess. Permezz tal-applikazzjoni, il-proċess għall-applikant se jkun sar kollu diġitali b’aktar serħan il-moħħ li l-applikazzjoni waslet u ġiet ikkunsidrata.
Il-Ministru Ian Borg faħħar il-ħidma tal-bord u esprima sodisfazzjon għall-progress li qed isir favur ftehim bejn l-MCAST u l-bord rigward il-warranting tal-inġiniera li jiggradwaw mill-MCAST, biex huma wkoll ikunu jistgħu jikkwalifikaw biex jersqu għall-eżami tal-warrant.
Il-Ministru ħabbar li t-tfassil tal-liġi l-ġdida tal-professjoni tal-inġinerija jinsab fi stat avvanzat u fix-xhur li ġejjin l-emendi meħtieġa se jitressqu quddiem il-Parlament.