L-MFCC f’Ta’ Qali nbidlet f’fiera tal-kotba, bil-għan li tippromwovi l-letteratura, anke fost iċ-ċkejknin.
Dan l-avveniment qed jara s-sehem ta’ madwar disgħa u erbgħin esebitur, li jikkonsistu minn bejjiegħa tal-kotba, organizzazzjonijiet studenteski, kittieba, għaqdiet mhux governattivi u għaqdiet pubbliċi relatati mal-industrija tal-kotba u pubblikaturi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri qal ma’ ONE News li l-qari hu essenzjali għax jagħtik l-għarfien.
Huwa qal, “L-importanza vera tal-kotba u l-importanza tal-qari hija xi ħaġa li nibqgħu nsostnu bħala Kunsill, l-importanza li l-Maltin jaqraw, jaqraw speċjalment bil-Malti, għaliex meta jaqraw bil-Malti qed isostnu l-industrija tal-kotba lokali, u wkoll jaqraw inġenerali. Għaliex il-qari ovvjament itik l-għarfien, sens ta’ kultura u appartenza għall-pajjiż.”
Intant, il-President tal-Għaqda tal-Malti tal-Università, Keith Attard, tkellem dwar l-importanza tal-kotba u l-benefiċċji li jġibu magħhom.
Attard stqarr, “Il-qari hu importanti ħafna llum il-ġurnata. Bis-saħħa ta’ din il-fiera nemmnu li kemm jista’ jkun il-ktieb jibqa’ ħaj. Napprezzaw ħafna l-fatt illi l-Kunsill organizza din il-fiera u lilna bħala għaqda tal-Malti dejjem sibnihom ta’ spalla għalina.”
Din l-edizzjoni tal-fiera tal-ktieb inkludiet ukoll esebizzjonijiet u attivitajiet għall-qarreja ta’ kull età.
Intant, is-servizz tat-trasport pubbliku qed jorganizza servizz speċjali mill-Belt għal dawk li jridu jattendu u din il-fiera f’Ta’ Qali se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd.