Fuq medda ta’ xahrejn fl-2016, ftit inqas minn ħames mitt vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, nqabdet issuq b’veloċita eċċessiva f’pajjiżna. Dawn il-vetturi issa qed jiġu mfittxija mill-awtoritajiet Maltin għall-infurzar. Ta din l-informazzjoni l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi fil-Parlament fejn spjega kif permezz ta’ Direttiva Ewropea li bdiet taħdem f’Malta minn Awissu li għadda, l-awtoritajiet Maltin issa għandhom aċċess għall-informazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi barranin li jwettqu kontravenzjonijiet f’pajjiżna.
Il-Ministru Mizzi qal li bejn Awissu u Settembru li għadda, 488 vettura barranija kissret ir-regolamenti tat-traffiku Maltin, u issa qed jiġu nvestigati minn Transport Malta. 445 minn dawn kienu vetturi mill-Italja, 11 mill-Ġermanja, u disa vetturi oħra li kienu rreġistrati f’pajjiżi Ewropej differenti.
Kull wieħed minn dawn qed jiġi investigat minħabba sewqan eċċessiv. Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea ġiet fis-seħħ fl-elfejn u ħmistax biex Stati Membri jkollhom aċċess għall-informazzjoni ta’ vetturi barranin li jiksru kwalunkwe regolament tat-traffiku ta’ Stat Membru ieħor. Madanakollu f’Malta hawn ukoll vetturi reġistrati f’pajjiżi Afrikani li d-direttiva ma tkoprix.