Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja investiment sostenibbli u ta’ kwalità.
Huwa kien qed jitkellem waqt l-inawgurazzjoni ta’ żewġ proġetti minn Farsons Group b’investiment totali ta’ €86 miljun.
Sitta u sittin miljun ewro ġew investiti fi Trident Park li huwa kampus ta’ uffiċini, filwaqt li The Brewhouse Malta ra investiment ta’ għoxrin miljun ewro li se tkun qed tilqa’ l-viżitaturi fil-post fejn kienet issir il-birra sa ftit snin ilu.
Dan il-proġett, imfassal mill-Perit Brittaniku Ian Ritchie, jinkludi fih diversi żoni fejn l-impjegati jkunu jistgħu jirrikreaw irwieħhom, f’ġonna u spażji miftuħa madwar il-proġett kollu. Fil-fatt, 43% tal-ispazju ġie żviluppat bħala uffiċini jew postijiet fejn isir ix-xogħol.
Michael Farrugia, li huwa direttur ta’ Farsons Group, u n-neputi tal-fundatur ta’ Farsons, Lewis Victor Farrugia innota kif għexieren ta’ snin ilu fl-istess post ġie inawgurat il-post għall-ewwel darba. Illum dan il-post huwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna grazzi għall-prodotti li ħarġu mill-istess post.
Il-Perit ta’ fama internazzjonali, Ian Ritchie li ħadem fuq dan il-proġett stqarr li Farsons investiet fil-legat tagħha filwaqt li ħarset ‘il quddiem fosthom billi ħarset is-sostenibilità tal-investiment infrasturtturali.
Charles Xuereb li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Trident Estates Plc, tkellem dwar l-importanza li l-impjegati jkunu stmati u kuntenti fuq il-post tax-xogħol. Kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni bla preċedent li jinħolqu diversi spazji miftuħa.
Louis Farrugia, iċ-Chairman ta’ Farsons Group fakkar fl-istorja rikka tal-kumpanija hekk kif saħaq li l-proġett kien sensittiv kemm għall-impjegati li se jkunu qegħdin jagħmlu użu mill-proġetti iżda wkoll għall-komunità li tgħix fil-madwar anki waqt li kien qed isir il-proġett.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan l-investiment filwaqt li saħaq kif il-Gvern se jkompli jappoġġja investimenti bħal dak inawgurat li jwieżnu s-sostenibilità u l-kwalità.
Dr Abela faħħar il-fatt li l-proġetti jgħollu l-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol tal-impjegati u l-fatt li b’mod partikolari l-proġett ta’ The Brewhouse se jkun qiegħed jattira niċċa ta’ turiżmu industrijali. Dan tal-aħħar se jkompli jgħolli l-livell tal-prodott turistiku li joffri pajjiżna.
Rigward il-qasam finanzjarju, li wkoll se jkunu parti mis-servizzi provduti minn dan il-proġett, il-Prim Ministru allaċċjah mar-rapport maħruġ mill- Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, li nnota kif f’sena żdiedu b’26% il-persuni li jaħdmu f’dan is-settur minkejja l-isfidi internazzjonali.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-tranżizzjoni ekonomika li qiegħed jimbotta l-Gvern fejn flimkien mal-privat, pajjiżna se jkun qiegħed igawdu minn investiment li jħalli l-frott.
Dr Abela rrimarka wkoll l-importanza tal-qalba ambjentali fejn fost l-oħrajn pajjiżna jkompli jinvesti fl-enerġija rinovabbli.