Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg preżenta 17-il perit ġdid bil-warrant tal-professjoni. L-2019 kienet l-aktar sena li fiha ngħataw warrants ta’ dan it-tip fl-aħħar snin, b’total ta’ 48 warrants ġodda.
“Pajjiżna għaddej minn żmien ta’ ħafna tibdil pożittiv fl-industrija tal-bini, żmien ta’ riformi favur aktar responsabbiltà, sigurtà u trasparenza f’dan is-settur li intom tmissu miegħu ta’ kuljum. Qed naħdmu għax irridu standards għoljin, għax nemmnu li l-kwalità tal-ħajja tan-nies għandha tiġi l-ewwel. U llum, intom qed tingħataw liċenzja li tiġi b’livell għoli ta’ responsabbiltà, li tagħtikom id-dmir li timxu mal-etika tal-professjoni”, qal il-Ministru Borg.



Huwa fakkar fil-ħidma li wettaq il-Gvern f’dawn l-aħħar xhur favur settur aħjar, inkluż ir-Riforma fis-Settur tal-Bini u l-Kostruzzjoni matul dan is-sajf kif ukoll il-Konsultazzjoni Pubblika għat-twaqqif tal-Malta Construction and Building Authority fix-Xitwa tal-2018, li wasslet biex dan is-sajf twaqqfet aġenzija temporanja biex tirrevedi l-leġislazzjoni b’impenn imtenni anke fil-Baġit 2020 biex l-awtorità titwaqqaf fiż-żmien li ġej.
Il-Ministru tkellem dwar l-irwol importanti tas-Site Technical Officer li twaqqaf waqt ir-riforma li saret fis-sajf u li jagħti rwol lill-professjonisti bħall-periti mhux biss waqt l-istadju tad-disinn imma anke waqt l-implimentazzjoni.
“Irridu li l-ippjanar isir fit-tul, mhux sal-bini imma għal matul ħajjet il-binjiet tagħna. Irridu li nkomplu nsegwu l-binjiet. Irridu li nkunu innovattivi f’dak kollu li nagħmlu għax pajjiżna jixraqlu l-aħjar f’kull settur. Illum qegħdin hawn biex tissieħbu ma’ professjonisti oħra bħalkom. Ifisser li se tiżdied il-kompetizzjoni, imma lkoll nafu li dan huwa settur li qiegħed igawdi mit-tkabbir ekonomiku li qed jara il-pajjiż. U intom se tkunu qed tagħtu kontribut importanti b’xogħlkom”, għalaq il-Ministru Borg, filwaqt li awgura lill-periti l-ġodda.