It-tlettax ta’ Diċembru tal-1974. Proprju bħal-lum 48 sena, Malta saret Repubblika.
Kien ftit iżjed minn għaxar snin wara li Malta saret indipendenti, li pajjiżna neħħa l-monarkija Brittanika u l-Kap tal-Istat beda jkun Malti.
Meta Malta kienet saret indipendenti f’Settembru tal-1964, għaxar snin qabel, ir-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit kienet ukoll ir-Reġina ta’ Malta.
L-ewwel pass sabiex pajjiżna wasal għal din il-kisba importanti fl-istorja tiegħu kien meta l-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-Perit Duminku Mintoff, rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1971.
F’dik is-sena stess, Sir Anthony Mamo nħatar Gvernatur ta’ Malta, minflok Maurice Dorman, li kien il-mibgħut tal-monarkija tar-Renju Unit f’pajjiżna.
Sena wara, il-Gvern immexxi mill-Perit Mintoff innegozja mal-Gvern Brittaniku sabiex fl-1979 tingħalaq darba għal dejjem il-bażi militari Ingliża.
Kien fit-tlettax ta’ Diċembru tal-1974 meta l-Parlament għadda liġi storika sabiex pajjiżna jkun Repubblika, hekk kif 49 ivvutaw favur waqt li sitta biss kienu kontra.
Dan fisser li Sir Anthony Mamo, li kien Gvernatur Ġenerali, issa sar President ta’ Malta.
F’dan il-jum, l-Ispeaker tal-Parlament ,Emmanuel Attard Bezzina, il-Prim Ministru Dom Mintoff, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Ġorġ Borg Olivier u l-membri parlamentari, ħadu l-ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni l-ġdida.
Hekk kif ħa l-ġurament bħala l-ewwel President ta’ Malta ndaqqet il-fanfarra, indaqq l-innu nazzjonali, u ġew sparati 21 tir.
Dakinhar tat-tlettax ta’ Diċembru tal-1974 ħadu l-ġurament fil-kariġi tagħhom il-Prim Ministru, il-Kabinett tal-Ministri, il-Prim Imħallef, u l-Imħallfin.
Tmienja u erbgħin sena ilu t-temp kien tipikament xitwi, bir-riħ u x-xita, iżda dan ma qatax qalb il-folla li nġabret barra l-Palazz tal-Granmastru. Mill-gallarija tal-Palazz ħareġ Sir Anthony Mamo, l-ewwel President ta’ Malta, flimkien ma’ Dom Mintoff, l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Repubblika, flimkien ma’ Ministri oħra.
Minn dak iż-żmien ’l hawn pajjiżna kellu għaxar Presidenti tar-Repubblika ta’ Malta.