Fil-jum tas-Sibt għalqu n-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet każwali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali għarrfet li daħlu tmienja u erbgħin nominazzjoni minn kandidati Nazzjonalisti.
Fuq it-tielet distrett kienu ħames kandidati li tefgħu isimhom għall-elezzjoni każwali biex jimtela’ l-post li tbattal minn Stephen Spiteri. Dawn huma John Baptist Camilleri, Errol Cutajar, Carmelo Mifsud Bonnici, Mary Muscat u Leone Sciberras.
Għall-post li tbattal mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-ħames distrett, tefgħu n-nomina Stefan Caruana, Francine Farrugia, Owen Sciberras u Stanley Zammit.
Fuq is-seba’ distrett ġew vakati żewġ postijiet, ta’ Ryan Callus u l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Sabiex jimtlew dawn il-postijiet tefgħu n-nomina tagħhom sitt kandidati Nazzjonalisti. Charles Azzopardi, Rebekah-Ann Cilia, Anthony Mifsud, Alessia Psaila Zammit, Edwin Vassallo u Josephine Xuereb.
Dan filwaqt li kienu għaxar kandidati Nazzjonalisti li tefgħu isimhom biex jimtlew il-postijiet vakati minn Robert Arrigo u Joseph Giglio. Dawn huma Karol Aquilina, Graziella Attard Previ, Jason Azzopardi, Graham Bencini, Eve Borg Bonello, Albert Buttigieg, Karl Gouder, Noel Muscat, Emma Portelli Bonnici u Charles Selvaggi.
L-aħħar distrett elettorali li rċieva nominazzjonijiet biex jimtela’ post battal kien l-għaxar distrett.
Il-post li tbattal minn Mark Anthony Sammut jista’ jimtela’ minn Karol Aquilina, Graziella Attard Previ, Graham Bencini, Eve Borg Bonello, Albert Buttigieg, Karl Gouder jew Emma Portelli Bonnici.
Il-proċess tal-għadd tal-voti għall-elezzjonijiet każwali se jsir nhar it-Tlieta, tnax ta’ April fin-Naxxar għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu.