Il-wirja annwali tas-Socjetà Die Cast & Scale Model, bit-tema “The Biggest Little Motor Show” toffri varjetà kbira ta’ mudelli ta’ karozzi ta’ kull qies u għamla.
Tmienja u erbgħin kollezzjonista inġabru bi ħġarhom taħt saqaf wieħed biex mis-sala ewlenija tal-Iskola Medja fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Santa Tereża, f’Ta’ Paris f’Birkirkara; juru dak li tant jgħożżu u li tant huwa għall-qalbhom, lill-pubbliku.
Minn barra numru sabiħ ta’ mudelli ta’ karozzi antiki, moderni, sportivi, amerikani, karozzi mill-films, vetturi tal-kostruzzjoni, vetturi kummerċjali u oħrajn, din is-sena wieħed isib varjetà ta’ dijorami li ħolqu l-kollezzjonisti stess, sabiex jikkumplimentaw il-mudelli għall-wiri.
Fost l-ambjenti maħluqa wieħed isib ambjenti ta’ garaxxijiet, diversi parkeġġi li fihom jinkludu wkoll mudelli bħal karozzi tal-linja u siti tal-kostruzzjoni fost oħrajn.
F’din il-wirja hemm ukoll mudell ta’ rig taż-żejt li jaħdem b’mod perfett u fuq mejda oħra diversi mudelli mill-film Fast & Furious u Batman fost oħrajn.
Mal-mikrofonu ta’ One News, Andriy Riccardo Tonna li għad għandu 13–il sena biss, u huwa l-iżgħar membru tal-klabb spjegalna kif tħajjar għal dan il-passatemp interessanti.
Qal, “Bdejt niġbor il-kollezzjoni meta kelli xi 5 snin. Is-sena l-oħra bdejt inġemma xi trakkijiet tal-linja, u bażikament missieri wkoll għandu 4,000 karozzi tal-Ford u vannijiet, għax hu jħobb il-vannijiet. Ħadt dan id-delizzju minnu, għax hu kien jesebixxi f’din il-wirja u jien tħajjart u ġejt f’din il-wirja, biex nesebixxi l-ajruplani u t-trakkijiet tal-linja”.
Ma jonqsux ukoll mudelli ta’ ajruplani tal-militar u l-mudell taċ-ċirklu li huwa wkoll maħdum sal-inqas dettall.
Attrazzjoni ewlenija hijwa wkoll il-minjatura tal-Port il-Kbir b’bosta vapuri tal-flotta navali Ingliza fi żmien il-gwerra. Jiġbdu l-għajn huma l-mudelli tax-xarabanks u l-karozzi tal-linja l-antiki maħduma kompletament bl-idejn minn materjal riċiklat.
F’din il-wirja jispikkaw ukoll xi mudelli ta’ dgħajjes tal-irmonk fosthom il-mudell tat-tug boat Pawlina li ġeneralment tkun sorġuta maġenb Lieni Fil-Menqa l-Marsa.
Din il-wirja se tibqa’ miftuħa sa nhar l-Erbgħa 13 ta’ Diċembru, Jum ir-Repubblika.