Aktar minn nofs il-Maltin m’għandhomx fiduċja fil-Parlament Ewropew. Dan joħroġ mill-Ewrobarometru għax-xitwa, li għadu kemm ġie kkummissjonat mill-istess Parlament Ewropew fost 26,000 persuna fil-bidu ta’ din is-sena.
Jirriżulta li huma biss 48% tal-Maltin iħarsu b’mod pożittiv lejn l-istituzzjoni mmexxija mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola. Dan fl-istess ħin li 55% tal-Maltin qalu li jħarsu fil-pożittiv lejn l-Unjoni Ewropea inġenerali.
L-isħarriġ ukoll wera kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jemmnu li pajjiżna bbenefika mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hawnhekk Malta għandha l-ogħla rata minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, dik ta’ 92%.
Ir-rata ta’ Malta hawnhekk hi ferm iżjed mir-rata medja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, li hi ta’ 74%.
Skont dan l-Ewrobarometru, il-Maltin ukoll jiddominaw fuq il-popli fis-26 pajjiż ieħor membru li jridu Unjoni Ewropea magħquda biex tkun tista’ tiffaċċja l-isfidi globali aħjar.
Għall-Maltin, il-Parlament Ewropew għandu jindirizza iżjed sfidi bħal dik tal-inflazzjoni, is-saħħa pubblika, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-faqar u l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, waqt li l-valur tal-paċi għandu jkun ta’ prijorità għalih u mhux bil-kontra.