Irrekordjaw il-mużika minn djarhom u ħarġu żewġ kanzunetti tal-marċi funebri għal dan iż-żmien.
Filwaqt li l-vari u l-purċissjonijiet ser jibqgħu ġewwa minħabba restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet pubbliċi biex titrażżan l-imxija tal-Covid-19, bl-għan li jżommu l-ispirtu f’dan iż-żmien, iż-żewġ kompożituri Alfred u Mauro Farrugia fittxew modi kif ifakkru l-Ġimgħa l-Kbira.
Dawn iż-żewġ kompożituri ħolqu żewġ albums uniċi b’kompożizzjonijiet bandistiċi funebri li huma ideali għal dan iż-żmien.
Il-Kompożitur Alfred Farrugia, spjega li minbarra marċi funebri tradizzjonali wieħed isib pensieri funebri, eleġiji u nottumi filwaqt li b’idjoma iktar kontemporanja jgħaqqad ġeneri oħra li mhux normalment insibuhom f’din it-tip ta’ mużika.
Qal kif, “Introduċejt l-għannej folkloristiku Malti u anke l-kitarra tal-għana b’dawk il-premjijiet u anke l-akkumpanjament tal-kitarri flimkien mal-banda kif nafuha aħna.”
It-tifel ta’ Alfred Farrugia, il-kompożitur Mauro Farrugia spjega li marċi funebri ġeneralment jinkitbu fi kjavi minuri u jkollhom temp aktar meqjus u kif isimhom stess juri, jindaqqu minn banda waqt li takkumpanja xi funeral jew waqt il-purċissjoni tal-Ġimħa l-Kbira.
Mauro Farrugia spjega li minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija, it-tmienja u erbgħin mużiċist irrekordjaw lilhom innifishom idoqqu l-istrument tagħhom mill-kumdità ta’ djarhom. Farrugia spjega li għalkemm din kienet esperjenza ġdida għal mużiċisti, din ġiet imsarrfa f’opportunità ġdida ta’ tagħlim għal kull min kien involut.
Spjega, “L-Individwu kellhom iċ-ċans jirrekordjaw lilhom infushom ġewwa darhom, min-naħa tiegħi ipprovdejthom bil-materjal u t-tagħmir fejn ukoll il-mużiċisti, fejn ta’ min isemmi wkoll tmienja u erbgħin mużiċist akustiku li jieħdu sehem f’dan l-album. Mhux numru żgħir imma rnexxielna nirrekordjaw b’dan il-mod.”
Iż-żewġ kompożituri stqarrew li permezz ta’ din l-inizjattiva, il-pubbliku xorta se jgawdi u jidħol fl-atmosfera funebra.