Peress li din is-sena hija sena ta’ ċelebrazzjonijiet marbuta mat-300 sena anniversarju mill-mewt tal-Fundatur tal-kuleġġ Stella Maris, inħasset il-ħtieġa li l-bidu ta’ din is-sena ċentinarja tkun immarkata bi proġett uniku. Kienu Mario Calleja u Ishmael Cocker, żewġ membri tal-istaff, li ħarġu bl-idea ta’ dan il-proġett artistiku: Bandiera li tirrapreżenta lil San Ġwann Battista De La Salle u l-Kulleġġ Stella Maris.
Stella Maris College hija skola Lasalljana u bħal kull skola Lasalljana oħra li hawn mifruxa fi 80 pajjiż madwar id-dinja, fil-15 ta’ Mejju nfakkru l-fundatur tagħna, San Ġwann Battista De La Salle.
San Ġwann Battista De La Salle, li fil-15 ta’ Mejju 1950 kien ġie iddikjarat ‘Qaddis Patrun tal-Edukaturi’ mill-Papa Piju XII, twieled fit-30 ta’ April 1651 u mar għand il-Missier fis-7 ta’ April 1719. Huwa jibqa’ mfakkar għall-ħidma kontinwa tiegħu biex joffri edukazzjoni ta’ kwalità lil-żgħażagħ u tfal foqra. Biex ikun jista’ joffri edukazzjoni li tgħin liż-żgħażagħ u t-tfal isiru ‘Nsara u Ċittadini tajbin’ huwa waqqaf ‘Il-Brothers of the Christian Schools’ li f’Malta
huma l-aktar magħrufa bhala l-Freres ta’ de La Salle.
It-tir ta’ dan il-proġett hu li ssir l-akbar bandiera ta’ skola ġewwa Malta. Dan il-proġett, flimkien ma’ sensiela ta’ proġetti oħra, fosthom l- esibizzjoni tal-arti ‘Il-Belt Mil-Lenti tal-Istudent’, il-pageant tal- Għid, Imxi Warajja u l purċissjoni tad-Duluri, huwa ntiż li joffri spazju fejn l-istudenti u l-membri ta’ l-istaff juru l-hiliet artistiċi tagħhom.
Din il-bandiera unika, li ser tkun qed titella ma’ l-arblu prinċipali tal-iskola għall-ewwel darba nhar it-Tlieta li ġej, hija magħmula minn 48 bandiera żgħira ta’ 56 ċentimetru b’69 ċentimetru.
Id-disinn sar minn Ishmael Cocker waqt li l-ħjata u tkabbir tad-disinn saru minn Mario Calleja. Ix-xogħol taż-żebgħa kien fdat f’idejn l-membri tal-istaff, l-studenti ta’ l-iskola sekondarja taħt it-tmexxija tal-ghalliema tal-Arti Victoria Agius u l-istudenti ta’ l-iskola primarja taħt it-tmexxija tal-Assitenta Kap ta’ l-iskola Romina Borg.
L-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett ser issir qabel il-Quddiesa tal-Fundatur. Għat-tmienja ta’ filgħodu ser isir il-kejl tad-daqs tal-bandiera minn membri tal-Malta Records u wara din titella’ ma’ l-arblu minn fejn tista’ tkun imgawda mill-istudenti.
Il-Bandiera l-ġdida magħmula minn 48 bandiera żgħira li tirrapreżenta lil San Gwann Battista De La Salle, l-arma tal-Kulleġġ Stella Maris u l-istilla Lasalljana.