Bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra 478 mara kienet tiġi segwita mis-servizz tal-vjolenza fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. Dan spjegatu l-Aġenzija stess fi stqarrija ġurnata qabel it-8 ta’ Marzu, liema ġurnata tfakkar Jum il-Mara. L-Aġenzija qed tappella biex ma jkun hemm ebda tollerenza għal vjolenza fuq nisa jew adolexxenti femminili.
L-Aġenzija Appoġġ spjegat li fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, toffri varjetà ta’ servizzi lil nisa li ġejjin minn strati differenti tas-soċjetà, li jkunu esperjenzaw xi diffikultà soċjali, bl-għan li jiġu mħeġġa biex ikomplu jtejbu s-sitwazzjoni soċjali tagħhom kif ukoll jipproteġuhom minn vjolenza relatata mal-ġeneru.
Toffri wkoll servizzi lil tfal li jkunu esposti għal vjolenza; dawn jinkludu tfal u adolexxenti li jgħixu fil-komunità kif ukoll dawk li jgħixu mal-familja naturali tagħhom. Permezz tat-twettiq ta’ dawn is-servizzi speċjalizzati, filwaqt li tistinka sabiex toffri sapport lit-tfal kollha u lill-adolexxenti u taħdem kontra diskors li jippromwovi vjolenza relatata mal-ġeneru u inugwaljanza fuq bażi ta’ ġeneru.
Isir ukoll sforz biex iħeġġeġ lil bniet jew adolexxenti biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà u jgħinu lis-subien jifhmu u japprezzaw il-benefiċċji ta’ meta l-ġeneru femminili jkun involut b’mod attiv fis-soċjetà.
Ix-xogħol f’dan is-servizz mat-tfal u adolexxenti għandu l-għan li jisfida l-isterjotipi relatati ma’ ġeneru u jinkoraġixxi li l-ġenerazzjoni iżgħar, li ser ikunu l-adulti ta’ għada, sabiex jimpenjaw ruħhom f’diversi rwoli fejn il-ħajja tal-familja u karriera jkunu involuti.
Is-Servizzi tal-Komunità tal-Aġenzija Appoġġ kif ukoll servizzi oħra speċjalizzati jaħdmu man-nisa u tfal li jiġu minn pajjiżi differenti. Dawn jipprovdu servizzi biex jgħinu fl-integrazzjoni ta’ dawn in-nisa u tfal fil-komunità Maltija bl-għan li jiżguraw li nisa u tfal jkunu protetti minn kull forma ta’ diskriminazzjoni u vjolenza relatata mal-ġeneru.
L-Aġenzija Appoġġ stqarret li se tibqa’ impenjata biex tikkontribwixxi lejn soċjetà li hija inklussiva u ’l bogħod minn kull forma ta’ vjolenza relatata ma’ ġeneru u kull tip ta’ forma ta’ vjolenza fuq it-tfal u adulti.