Fis-sajf ta’ erba’ mija u sebgħin sena ilu, attakk mill-kursara Misilmin immexxija primarjament minn Turgut Reis, magħruf bħala Dragut, ħalla lill-gżira Għawdxija mingħajr nies.
Fl-aħħar ta’ Lulju tal-1551, tmexxa attakk minn Sinan Pasha u Dragut.
Dwar din il-ġrajja fl-istorja ta’ pajjiżna tkellimna mal-istoriku Għawdxija Vanessa Buhagiar, fejn qalet ma’ ONE News kif l-ewwel l-kursara niżlu f’Malta iżda ma attakkawx.
Iżda mbagħad meta niżlu f’Għawdex u ħadu d-deċiżjoni li jattakkaw il-Gran Castello taċ-Ċittadella.
L-Istoriku Vannessa Buhagiar spjegatilna: “Naraw li spara l-ewwel bomba tiegħu lejn iċ-Ċittadella u ra li ma kienx hemm ħafna reżistenza, kull ma kien hemm fil-fatt bumbardament wieħed biss. Ġara li jumejn wara d-delegazzjoni Għawdxija bagħtet lil persuna biex tinnegozja t-termini taċ-ċediment tagħhom.”
Wara li l-Għawdxin fil-fortizza taċ-Ċittadella ċedew, dawn itieħdu għall-iskjavitù.
Buhagiar sostniet: “Barra minn hekk, eventwalment kaxkar il-popolazzjoni Għawdxija, mas-700 raġel u mal-5,000 u 6,000 mara, tifel u tifla miegħu fl-iskavitù.”
F’dan l-attakk, Dragut u sħabu ħadu wkoll id-dokumenti li kien hemm f’Għawdex, f’dak iż-żmien, iżda fortunatament riċentament instabu xi arkivji ta’ dak iż-żmien fl-Arkivji Notarili fil-Belt.
Dan l-attakk fuq il-fortifikazzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann seħħ wieħed u għoxrin sena biss wara li huma waslu f’Malta.
Attakki bħal dan bejn il-Kavallieri u l-forzi Misilmin kienu jiġru ta’ sikwit permezz tal-kursara fuq il-baħar.
Ma’ ONE News, l-istoriku Għawdxija qalet kif dak li sar erba’ mija u sebgħin sena ilu jissejjaħ attakk u mhux assedju.
Dan minħabba li assedju jdum għaddej ammont ta’ żmien, waqt li f’dan l-attakk l-Għawdxin ċedew wara ftit li beda l-attakk.
L-istoriku qaltilna li sa sentejn wara dan l-attakk il-popolazzjoni Għawdxija reġgħet bdiet tieħu r-ruħ: “Nafu li bil-mod il-mod dawk li ttieħdu bħala skjavi minn Dragut irnexxielhom jiksbu l-ħelsien tagħhom u ġew lura Għawdex. Nafu wkoll li dawk l-Għawdxin li rnexxielhom jaħarbu lejn Malta meta ġie dan l-attakk ġew lura wkoll. Nafu wkoll li ħafna Maltin raw l-opportunità raw li kien hawn art vojta ġewwa Għawdex u ħadu l-opportunità li jieħdu din l-art u jibnu l-familja tagħhom hemm.”
Dan l-attakk għal Kavallieri fisser tbeżbiża u minn dan iż-żmien, bdew jibnu l-fortifikazzjoni ta’ Sant’Iermu fil-peniżola tal-Għolja Xiberras, hekk kif kienu stennew li xi darba jew oħra se jkollhom attakk ieħor.
Dan fil-fatt ġara fl-Assedju tal-elf ħames mija ħamsa u sittin, erbatax-il sena biss wara t-terrur li għaddew minnu l-Għawdxin.