Fi stqarrija l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali qal li 47% tal-latrini kollha fil-binjiet tal-Gvern huma ‘gender neutral’, ċioe jintużaw kemm minn irġiel u nisa.
Intqal li “Dan huwa riżultat dirett ta’ miżuri interni introdotti minn dan il-Gvern aktar kmieni din is-sena”. Dawn il-latrini jinsabu f’binjiet bħall-Parlament, Ministeri u Qrati, u 11% minnhom huma aċċessibbli għal persuni b’diżabiltà.
Dawn it-tip ta’ latrini jiżguraw il-privatezza u jeliminaw l-iskumdità lil persuni trans u b’ġeneri li jvarjaw. Spiss dawn in-nies isibu rwieħhom f’sitwazzjonijiet skomdi meta jipprovaw jaċċessaw latrini li huma mqassma skont il-ġeneru.
Mhux talli hekk, talli spazji li huma newtrali fil-ġeneru għandhom faċilitajiet fejn tista’ tbiddel ħrieqi u għalhekk huma ideali għal ġenituri bi trabi jew tfal li jridu l-assistenza biex jużaw il-latrini.
“L-għan hu li jkun hemm ambjent fejn ma jsirx ġudizzju, u li jkun hemm ambjent inklussiv għal kulħadd”.