Nhar it-23 ta’ Settembru 1969, 47 sena ilu, vapur inkalja f’Wied il-Għajn, fejn illum hemm l-eks lukanda Jerma.
It-tanker Grieg Angel Gabriel kellu 50 persuna abbord, u waħda minnhom tilfet ħajjitha. It-tanker inkalja wara maltempata kbira li damet madwar ħamest’ijiem u qerdet ħafna dgħajjes, speċjalment fl-Għadira, San Pawl il-Baħar u San Ġiljan.
Dak iż-żmien, il-post kien għadu kwiet, u t-torri ta’ San Tumas Torri kien, tista’ tgħid, l-uniku bini fl-akwata.
Il-maltemp kien qawwi tant li l-lanċa Jylland, li kienet toffri servizz minn u lejn Għawdex kienet sospiża minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ rmiġġ xierqa fil-Marfa, li kienet esposta għall-Grigal.
Facebook illum joffri opportunitajiet li jerġgħu jitqanqlu l-memorji. Dawn huma xi kummenti li nnotajna:
Doris Dimech: “Jien kont mort mal-pa, kien maltemp kbir, ir-riħ kien qawwi ħafna u lanqas stajna nimxu.Niftakar kien ġie helicopter u waqatlu r-rota fuq il-bdejt tal-garaxx taz-ziju!”
Generoso Seychell: “Kont tifel żgħir…mort ma’ missieri bir-rota. Kull ma niftakar li kien il-maltemp”
Victor Galea: “Jien niftakarha tajjeb, kelli 24. Inżilt min Ħaż-Żabbar, kien hemm trejqa minflok il-bypass u dħalt min naha ta’ San Tumas. Bqajt narah anke meta beda jinqasam min nofs. Il-mewg li kien hemm ġieli qabeż iċ-ċumnija tal-vapur”.
Jimmy Calleja: “Jien kont hemm, kelli sbatax-il sena .Kienu ġabuni inħares lejn il-vapur fuq l-Orizzont u għal naqra ma mitniex! Kien it-23 ta’ Settembru 1969″.
Catherine Zahra: “Niftakar kien ħadna wieħed mill-ġirien tagħna narawh, għax kellu karozza”.
Mary Schembri: “Niftakarhaa jien wkoll, konna nżilna mall-ġenituri naraw x’ġara. Kien maltemp u xi ħaga mhux tas-soltu għal dak iż-żmien, imma kulħadd ta’ l-għajnuna”.
Mario Schembri: “Niftakru qisu l-bieraħ dan il-vapur Angel Gabriel!”
Connie Cutajar: “Ir-raġel kien tifel ta’ erba’ snin. imma jiftakarha!”



