L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 465,482 passiġġier fl-ewwel xahar tal-2024, biex hekk, għall-ewwel darba mill-2020, Jannar ra aktar minn 400,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport.
Il-moviment tal-passiġġieri rreġistra żieda sostanzjali ta’ 22.7% fuq l-2023, bis-6 ta’ Jannar tkun l-aktar ġurnata impenjattiva għall-ajruport.
Dakinhar, ġie fi tmiemu l-istaġun tal-vaganzi tal-Milied, bi 23,923 passiġġier jaslu jew jitilqu mill-ajruport fuq 149 titjira.
It-traffiku fl-ajruport matul l-istess xahar ammonta għal 3,511-il titjira, jiġifieri żieda ta’ 23.4 fil-mija meta wieħed jikkumpara x-xahar li għadda, mal-istess xahar tal-2023. Filwaqt li l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żiedu b’27.4 fil-mija fuq l-Jannar tal-2023, is-seat load factor irreġistra tnaqqis ta’ 2.8 fil-mija, biex l-okkupanza tal-postijiet disponibbli fuq l-ajruplani kienet fil-livell ta’ 74 fil-mija.
23% tal-passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’Jannar marru jew waslu mill-Italja, biex dan is-suq żamm postu bħala l-aktar wieħed importanti segwit mir-Renju Unit, il-Polonja, il-Ġermanja u Franza.
Kif kien osservat tul dawn l-aħħar snin, is-suq Pollakk kompla jikber, biex issa qabeż lil dak Spanjol, Franċiż u Ġermaniż u sab postu bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Żieda fit-titjiriet lejn il-Polonja minn Ryanair u Wizz Air fl-iskeda tax-xitwa, wassal biex dan is-suq jikber b’59% f’sena, bit-traffiku minn u lejn il-Polonja jammonta għal madwar 10% tat-total tal-moviment tal-passiġġieri f’Jannar.