F’dak li kien fonti ta’ ħidma soċjali u komunitarja mill-Ospidallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, 464 Kunsillier u Kunsilliera ħadu l-ġurament biex issa jaqdu dmirhom f’ħidma komunitarja fi 68 lokalità madwar Malta u Għawdex.
F’Dar il-Mediterran, għall-ewwel darba fl-istorja mindu l-Kunsilli Lokali saru tessut importanti fl-amministrazzjoni pubblika, il-kunsilliera kollha ta’ Malta u Għawdex ħadu l-ġurament f’daqqa.
F’indirizz li għamel għal din l-okkażjoni speċjali l-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat saħaq li l-kunsilliera jwettqu ħidma komunitarja importanti.
“Il-fiduċja tan-nies m’hiex b’ċens perpetwu u rridu nsarrfu dik il-fiduċja b’ħidma fuq dak imwiegħed, lil hinn mill-kuluri politiċi”, saħaq il-Prim Ministru meta għamel appell imqanqal lil dawk li issa se jidħlu għal din ir-responsabilità importanti.
Dr. Muscat aċċenna għall-fatt li fil-Kunsilli Lokali li għalihom ivvutaw għall-ewwel darba żgħażagħ sa minn sittax-il sena se jkun hemm preżenza żagħżugħa li mill-elezzjonijiet ta’ qabel irdoppjat.
“Il-parteċipazzjoni tan-nisa żdiedet ukoll fil-Kunsilli Lokali iżda dan mhux biżżejjed. Jekk xejn dak li nkiseb għandu jsaħħaħ il-kawża tagħna favur l-ugwaljanza”, qal il-Prim Ministru.
Dr. Muscat qal ukoll li l-Kunsilli Lokali jridu jaħdmu mal-Gvern ċentrali sabiex tissaħħaħ l-infrastruttura u l-ambjent fl-ibliet u l-irħula tagħna.
F’dan il-kuntest qal li l-kunsilliera l-ġodda m’għandhomx iħabblu rashom fuq tħassib li kellhom il-predeċessuri tagħhom.
“Sa tmiem il-leġislatura li jmiss se jkunu saru t-toroq kollha tal-pajjiż b’investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro, għalhekk jeħtieġ tiffukaw fuq sfidi oħra bħall-indafa fil-pjazzez u t-toroq tagħna”, qal Dr. Joseph Muscat.
Fost il-Kunsilliera li ġew eletti fl-elezzjonijiet lokali li saru fil-25 ta’ Mejju li għadda kien hemm tliet 343 kunsillier raġel u 121 kunsilliera nisa.
Fost dawn hemm 191 kunsillier elett għall-ewwel darba, fost dawn 61 kunsilliera nisa.
Filfatt dwar dan irrimarka l-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali Dr. Owen Bonnici li spjega kif din hija qabża kbira minn dak li ġara fl-2007 u fl-2009 fejn kien hemm biss 31 mara kunsilliera eletti ġodda.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis tenna l-impenn tal-Gvern ċentrali li jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali u se jibqa’ jkun ta’ sostenn għalihom.