In-nirien li ħakmu l-Miżieb ftit tal-jiem ilu huwa stmat li qerdu madwar 4,600 siġra.
Qal dan il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera, iktar kmieni llum fil-Parlament fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Ministru Herrera spjega kif in-nirien imxew fuq ħmixtax -il tomna ta’ art u qerdu speċi ta’ siġar tal-Iżnuber, taż-Żebbuġ, tal-Għargħar u tal-Akaċja.
Huwa żied jgħid kif filwaqt li l-esperti ambjentali mibgħuta minn Ambjent Malta u l-ERA ser ikunu qed jeżaminaw il-ħsara kkawżata minn nirien li ħonqu l-masġar tal-Miżieb, huma ser jippruvaw jidentifikaw ukoll x’ikkawża n-nirien fit-22 ta’ Ġunju.