Minn mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma fil-liġi tal-kera għall-kirjiet ta’ qabel l-1995, 460 familja gawdew minn dan is-sussidju li qed jagħti l-Gvern.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, li wriet kif mill-ewwel sena mir-riforma, li ddaħħlet f’Ġunju tal-2021, kien hemm 122 familja li gawdew mill-għajnuna li kienet aktar minn mitejn elf ewro, waqt li issa, seba’ xhur wara, l-ammont żdied b’aktar minn 340 familja oħra.
Ċifri li ġew ippubblikati fil-faċċata tal-gazzetta KullĦadd juru li, mill-ewwel ta’ Ġunju tal-elfejn wieħed u għoxrin, is-sussidju maħruġ mill-Gvern kien ta’ iżjed minn miljun u sebgħa mitt elf ewro.
Din ir-riforma toffri stabbilità u protezzjoni lill-inkwilin u ġustizzja lis-sid tal-post, filwaqt li fl-istess ħin tassigura li ħadd ma jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasu.
Dan hekk kif qed tindirizza l-bżonnijiet tal-pensjonanti milquta, li se jieħdu massimu ta’ għaxart elef ewro.
Bil-liġijiet il-ġodda l-Gvern qiegħed jerfa’ r-responsabbiltà soċjali minn fuq spallejn is-sidien u jassigura li din hija l-aħħar ġenerazzjoni li tista’ tirċievi protezzjoni.
B’hekk, is-sidien qed jisbu d-dritt għall-kera li tirrifletti l-valur tal-proprjetà fis-suq miftuħ, b’mekkaniżmu awtomatiku li jżid il-kera skont l-indiċi tal-prezz tal-proprjetà.
Din ir-riforma ntlaqgħet b’sodisdazzjoni minn diversi korpi kostitwiti, li ddeskrivewha bħala pass ’il quddiem biex tiġi indirizzata inġustizzja li kienet ilha teżisti għexieren ta’ snin.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li din ir-riforma mistennija tfisser serħan il-moħħ għal madwar għaxart elef persuna.
Qal, “Ir-riforma, aktar milli importanti, l-importanti hu li tiġi implimentata. Kieku m’għamilna xejn, kienu jispiċċaw fit-triq madwar 10,000 familja u tilfu dritt għall-protezzjoni li kellhom fil-kirja l-antika tagħhom.”
Il-Ministru qal li din ir-riforma tifforma parti minn viżjoni ħolistika għall-akkomodazzjoni soċjali li fiha qed jiġu indirizzati diversi sfidi.
Qal, “Din hija waħda mir-riformi importanti li wettaqna, mhux biss wara r-riformi tal-kirjiet residenzjali – waħda mir-riformi kbar li rnexxilna nwettqu b’suċess – u llum qed naraw ir-riżultati pożittivi tagħha.”