Tmienja u għoxrin ta’ Diċembru elf disa’ mija sebgħa u sebgħin (1977), bħal-lum sitta u erbgħin sena ilu.
Pakkett b’ittra bomba li wasal għand il-familja tal-Professur Edwin Grech fid-dar tal-familja f’San Ġwann, ħasad il-ħajja ta’ tfajla ta’ ħmistax-il sena, Karin Grech.
Ħajjet il-ħajja ta’ Karin intilfet innoċentament fl-eqqel ta’ strike tat-tobba, li missierha, il-Professur Grech ma obdiex u baqa’ jagħti servizz lill-pazjenti.
Dan il-każ li ħasad pajjiż sħiħ kien seħħ, meta Karin fetħet pakkett imgeżwer f’karta tar-rigali tal-Milied.
Fil-ħin li fetħet dan il-pakkett tal-Milied, ħdejn Karin kien hemm ħuha Kevin u ftit wara li hi fetħet il-pakkett, il-bomba li kien hemm splodiet.
Karin ittieħdet l-isptar San Luqa iżda sfortunatament mietet ftit tal-minuti wara, hekk kif kienet ġarrbet ħruq estensiv.
Fil-quddiesa tal-funeral ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, il-Monsinjur Mikiel Gonzi kien sejjaħ dan l-att barbaru bħala l-ewwel attakk terrotistiku f’pajjiżna.
Fil-funeral ta’ din it-tfajla li nqatlet b’mod innoċenti attendew numru kbir ta’ nies.
Dakinhar tal-qtil ta’ Karin Grech, it-Tabib Paul Chetcuti Caruana, li mbagħad kien deputat Laburista, kien irċieva pakkett b’ittra bomba iżda fortunament il-bomba ma ħaditx.
Il-każ tal-qtil ta’ Karin Grech baqa’ ma kienx solvut, iżda l-Qorti kienet iddikjarat li dan kien qtil politiku.
Il-Qorti kienet iddeċidiet li l-Gvern irid jagħti kumpens lill-familja ta’ aktar minn erba’ mitt elf ewro. Deċiżjoni li dak iż-żmien Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami kien saħansitra appellaha hekk kif ma riedx li dan il-kumpens jingħata lill-familja.
Madankollu l-Qorti tal-Appell kienet ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel Qorti b’riżultat li l-ħlas kellu jsir.
L-ebda kumpens ma seta’ jagħti s-serħan lill-familja Grech li tilfet tfajla għażiża għaliha.
Missier Karin, il-Professur Edwin Grech kien ilu jistenna ġustizzja għal aktar minn erba’ diċenji, iżda din baqgħet ma saritx.
Il-Professur Edwin Grech ħalla din id-dinja fil-ħmistax ta’ Marzu li għadda, fl-età ta’ erbgħa u disgħin sena.
Lil Karin u lill-missierha Edwin ma ninsewhomx.