46 inġinier ingħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom. F’ċerimonja qasira, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg awgura lil dawn l-inġiniera tal-ħidma tagħhom, u spjega kif l-iżvilupp b’saħħtu li għaddej minnu pajjiżna jfisser il-bżonn ta’ professjonisti u inġiniera ta’ kwalità.
Innota kif il-ħidma ta’ tisħiħ insab għaddejja fuq numru ta’ binarji. Fosthom xogħol mal-Kamra tal-Inġiniera dwar liġi li tirregola l-professjoni tal-inġiniera, u diskussjoni pubblika għat-twaqqif ta’ awtorità ġdida li tiġbor fi ħdanha għadd ta’ entitajiet fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Dan flimkien mal-aġġornament ta’ liġijiet antikwati li wħud minnhom joħduna lura iktar minn sittin sena, meta s-sitwazzjoni kienet ferm differenti.
Minn naħa tiegħu, ic-Chairperson tal-Bord tal-Inġiniera, Dr Noel Camilleri spjega kif l-Inġiniera jingħataw il-warrant wara minn tal-inqas sentejn xogħol wara l-gradwazzjoni tagħhom, u kif iħ-Bord qed jaħdem biex il-kwalità tal-inġiniera f’pajjiżna dejjem tkompli togħla.
Barra minn hekk awgura lil dawn l-inġiniera u fakkarhom kif dan il-pass ifisser iktar drittijiet u responsabbiltajiet.
Appella biex iżommu l-korrettezza u jżommu għoli l-isem tal-inġiniera.