Sitta u erbgħin ċiklist huma lkoll ippreparati u determinati għall-isfida tagħhom ta’ RE/MAX ALIVE2017 Cycling Challenge for Cancer.
Huma għabbew ir-roti tagħhom f’kontejner tal-merkanzija ta’ Express Trailers biex jintbagħtu lejn Kopenħagen għall-bidu tal-isfida ta’ 1,200 kilometru li tibda fis-7 ta’ Lulju.
Apparti t-taħriġ intensiv fuq 17-il ġimgħa, iċ-ċiklisti qed jiġbru fondi għall-programm ta’ riċerka medika speċjalizzata fuq il-kanċer fl-Universita’ ta’ Malta, u li qed tkun faċilitata permezz tal-Fond għar-Riċerka tal-Università (RIDT). B’kollox, iċ-ċiklisti għamlu 254 siegħa f’taħriġ u qadfu distanza ta’ aktar minn 5,100 kilometru (ekwivalenti għal distanza daqs bejn Malta u Greenland).
Din se tkun il-ħames edizzjoni ta’ ALIVE Cycling Challenge li qed issir taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta E.T. Marie-Louise Coleiro Preca. F’sebat ijiem, iċ-ċiklisti ta’ ALIVE2017 se jkopru distanza twila li tibda minn Kopenħagen, jgħaddu minn Berlin u jibqgħu sejrin sa Varsavja. Il-vjaġġ jintemm fis-16 ta’ Lulju.
Għall-ewwel darba, se jsuqu fuq żewġ rotot paralleli: waħda għall-mountain bikes u l-oħra għar-road bikes. Erba u għoxrin ċiklist se jwettqu l-isfida fuq il-mountain bike li se tgħaddihom minn aktar modijiet, filwaqt li 22 ċiklist ieħor se jaqdfu medda ta’ madwar 20 km iktar kuljum fuq toroq asfaltati bir-road bikes tagħhom.
“Aħna qed nagħmlu ħilitna biex inżommu l-kawża ALIVE ħajja favur riċerka fuq il-kanċer. RE/MAX ALIVE2017 Cycling Challenge for Cancer se tkun sfida kbira oħra għalina lkoll. Nittamaw li t-temp ikun ħanin magħna għax se nistennew xi ħalbiet tax-xita u maltemp,” qal Nicky Camilleri, iċ-chairperson ta’ ALIVE Charity Foundation.
Id-donazzjonijiet għall-ALIVE 2017 jistgħu jsiru b’SMS fuq 50617364 – €2.33; 50618081 – €4.66; 50618913 – €6.99; u 50619208 – €11.65. Żur is-sit: www.alivecharity.com/2017