Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena diġà ġew implimentati għaxar miżuri soċjali kif imħabbra fil-Baġit għal din is-sena. Hekk spjega is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-familja u solidarjetá soċjali, Mark Musù.
Is-Sur Musù spjega: “Bħala Ministeru aħna għandna 26 miżura x’nimplimentaw matul din is-sena. Fl-ewwel ħames ġimgħat tas-sena diġà implimentajna għaxar miżuri, jiġifieri allura dak ifisser li implimentajna diġa kważi 40% tal-miżuri soċjali għal din is-sena.”
Fil-fatt mis-Sibt stess mal-45,000 pensjonant irċivew l-għotja tal-anzjani ta’ dawk li għandhom aktar minn ħamsa u sebgħin sena u għadhom jgħixu fil-komunità. Għall-ewwel darba ngħataw din l-għotja l-anzjani li jgħixu f’residenzi tal-anzjani privati. Dan filwaqt li kien hemm żieda fil-bonus għal min ma ħallasx biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jikkwalifika għall-pensjoni.
Musù spjega kif il-bonus lil min ma ħallasx biżżejjed kontribuzzjonijiet għall-pensjoni se jingħata wkoll lill-anzjani li huma intitolati għalih u li għandhom il’ fuq minn 75 sena biex b’hekk għall-ewwel darba, dawk l-anzjani li jikkwalifikaw biex jieħdu ż-żewġ għotjiet, se jirċievu t-tnejn li huma.
Huwa fisser: “Din se tkun qed tagħmel differenza speċjalment għal dawk il-koppji il-għaliex dan il-bonus li qed insemmi ħafna drabi jirċevuħ nisa miżżewġa li allura kienu waqfu mix-xogħol, ma ħadmux aktar meta żżewġu u ma jkollhomx pensjoni. Mela allura dan l-aktar li se jolqot pożittiv huma lil dawk il-koppji illi jgħixu b’pensjoni waħda, li ħafna drabi tkun il-pensjoni tar-raġel. Li allura issa b’din il-miżura ġdida se jkunu qed jaraw id-dħul tagħhom jiżdied.”
Il-baġit għal din is-sena jinkludi fih ukoll il-ħames żieda konsekuttiva fil-pensjoni b’terz tan-nefqa tal-Gvern tkun iddedikata lill-qasam soċjali.