Minn nhar is-Sibt, 17 ta’ Diċembru, madwar 45,000 familja li huma fost l-akbar vulnerabbli se jibdew jirċievu l-ħlas addizzjonali permezz tal-mekkaniżmu tal-kumpens għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja, magħruf bħala l-COLA. B’kollox, din il-miżura se taffettwa 86,500 persuna f’Malta u f’Għawdex.
B’hekk, il-Gvern se jkun beda jwettaq miżura ewlenija għall-Budget għall-2023. b’investiment ta’ €16.2 miljun.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, u mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Il-medja tal-pagament ta’ dan il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA se jkun ta’ €643, bil-pagament minimu li se jirċievu l-familji huwa ta’ €100. Dawn se jidħlu direttament fil-kont tal-bank.
Il-Ministru Caruana qal li dwar dan il-mekkanżmu saru numru ta’ laqgħat mas-sħab soċjali. Qal ukoll li b’dan il-mekkaniżmu min jiflaħ lanqas, se jkun qed jieħu l-iżjed.
Filwaqt li fakkar li dan il-mekkaniżmu mhux se jkun ta’ darba biss, imma se jibqa’ jingħata sena wara oħra, qal li l-ammont jista’ jinbidel jekk jinqalgħu anomaliji oħra, fosthom żieda fl-inflazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Falzon qal li dan il-mekkaniżmu addizzjonali juri r-ruħ soċjali tal-Gvern. Saħaqli din l-amministrazzjoni hija impenjata biex tkabbar l-ekonomija u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan wassal biex dawk fir-riskju tal-faqar naqsu b’ħamsa fil-mija, minkejja l-isfidi internazzjonali.
Huwa fakkar li l-Budget għas-sena d-dieħla żied l-investiment fil-politika soċjali, li se jlaħħaq iż-€2 biljun.
Apparti minn hekk, dan ix-xahar, il-Gvern se jħallas ukoll iċ-children’s allowances u anki l-in-work benefit.