Kien hemm madwar 4,500 persuna li ħadmu fl-industrija tal-films grazzi għas-sena rekord li din l-industrija kellha s-sena li għaddiet. Elfejn persuna ħadmu bħala membri tal-crew u madwar 2,500 ħadmu bħala extras u atturi.
“Fir-rigward ta’ impjiegi indiretti, dawn il-produzzjonijiet jiġġeneraw eluf ta’ impjiegi illi huwa diffiċli ħafna jiġu kkwantifikati,” qal il-Ministru Edward Zammit Lewis meta kien qed iwieġeb domanda parlamentari dwar l-industrija. Is-sena li għaddiet, kien hemm element qawwi ta’ diversifikazzjoni fl-industrija tal-Films. Minbarra films li ġew attirati, numru kbir ta’ sensiliet għat-televizjoni internazzjonali u produzzjonijiet ta’ reklami għal ditti rinomati nefqu miljuni ta’ ewro f’pajjiżna. Din l-industrija kompliet tagħti kontribuzzjoni importanti lill-ekonomija ta’ Malta.
Fost xogħol ieħor, il-Kummissjoni tal-Films wettqet kampanja estensiva ta’ marketing madwar id-dinja u qed tesplora wkoll swieq ġodda fosthom dak tal-Asia. Din l-industrija qed taqdi wkoll rwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika. Is-sena 2015, kienet sena rekord fin-numru ta’ produzzjonijiet barranin li ffilmjaw f’Malta. Fil fatt, in-numru ta’ produzzjonijiet jammonta għal 16-il wieħed. Is-sena 2015 kienet ukoll rekord assolut fl-ammont ta’ flus iġġenerati mill-industrija tal-films. L-attivita’ ekonomika diretta u indiretta tal-industrija tal-films laħqet figura ta’ madwar mitt miljun Ewro.
Meta kkumparat mal-2012 u l-2013, l-ammont iġġenerat kien ta’ ftit aktar minn sittax-il miljun u ta’ kwazi erba’ miljuni u nofs, rispettivament. Jista’ jkun li din is-sena, għalkemm tajba wkoll, ma laħqitx il-livelli tas-sena li għaddiet għalkemm il-prospetti jibqgħu jidhru sbieħ bil-Ministru responsabbli mis-settur, Edward Zammit Lewis, jgħid li fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla ġej Malta Johnny Depp biex jaħdem fil-film Murder on the Orient Express. Il-film mistenni jġib €8,000,000 fl-ekonomija Maltija u jinvolvi mal-400 persuna bħala crew.